It-tabib fiċ-Ċentri tas-Saħħa jiswa lis-sistema tas-saħħa iktar minn €10.50 għal kull viżta li ssir minn pazjent. Ikkonferma dan rapport tal-Awditur Ġenerali ppubblikat it-Tnejn.
Ir-rapport janalizza fid-dettall il-funzjoni tat-tabib magħruf bħala general practioner u l-irwol tiegħu fis-sistema tal-kura primarja.
F’riċerka ta’ ġimagħtejn irriżulta li fost il-ġimgħa kien hemm ġimgħa fejn kamra tat-tabib swiet medja ta’ €11.48 għal kull viżta u ġimgħa oħra fejn swiet medja ta’ €10.50.
Dan ivarja skont liema ċentru tas-saħħa hu, bl-ikar ċentri tas-saħħa bieżla jkunu dawk li jagħtu valur aħjar ta’ flus.
Jirriżulta li meta l-Awditur Ġenerali analizza kemm tiswa viżta fis-settur privat l-ispiża ma qabżitx id-€9.50.
Hemm diversi fatturi, jgħid l-awditur, għaliex fil-bereġ tas-saħħa kamra ta’ tabib tiġi tiswa iktar. Fosthom l-assistenza tal-infermiera u sistemi burokratiċi oħra, uħud maħsuba biex inaqqsu wkoll ċertu abbuż.
L-Awditur Ġenerali jgħid li l-allokazzjoni tat-tobba mhux dejjem tirrifletti d-domanda għas-servizz, u għaldaqstant il-prezz ta’ kull vista jiżdied.
Din is-sitwazzjoni tidher l-aktar fil-ħinijiet ta’ matul il-ġurnata fiċ-ċentri tas-saħħa b’domanda iżgħar u matul il-ħinijiet ‘off-peak’ f’dawk il-kliniċi li jipprovdu wkoll servizz matul il-lejl.
Meta wieħed iqis dan kollu jirriżulta li l-ħlas tas-servizz ta’ General Practioner f’disa’ ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex, li hu wżat minn tletin fil-mija tal-popolazzjoni, kien stmat għal €10,300,000.
Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali nnota li s-servizz tat-tabib miċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ qiegħed kulma jmur jaddotta l-miżuri stabbiliti fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa dwar il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, u jħaddan iżjed il-prinċipju tal-kontinwità tal-kura.
Pero, jgħid l-Awditur, minkejja s-sodisfazzjon għoli dwar is-servizz provdut reġistrat mill-pazjenti, il-prattiċi preżenti tal-operat flimkien ma’ fatturi soċjali, ekonomiċi, finanzjarji, operattivi u maniġerjali jżommu lura milli l-pazjent ikun aktar fiċ-ċentru tal-kura.
Jinnota wkoll kif f’dawn l-aħħar snin żdied l-investiment fil-kura primarja minn fondi nazzjonali u mill-Unjoni Ewropea.