12-il għalliem fi ħdan taqsima fil-Ministeru tal-Edukazzjoni se jkunu qegħdin iħarrġu madwar sitt mitt student dwar is-sigurtà fit-toroq.
Pierre Gatt, uffiċjal fit-taqsima tas-saħħa u s-sigurtà spjega kif matul din il-ġimgħa, maġġur li jaħdem fil-kamra tal-kontroll tal-wieħed wieħed tnejn qed jitkellem mat-tfal dwar is-servizzi ta’ emerġenza. .
“L-istation li għandna huma 112, jiġifieri għandna l-maġġur li jaħdem ġol-112 control room. Ġie hawnhekk u jitkellem mat-tfal, qed jgħidilhom x’inhu emerġenza, x’jigri meta ċċempel 112. Għandna station immanjat mill-‘Malta road safety council’ fi ħdan Transport Malta. Qegħdin nitkellmu fuq ‘safety’ ġot-triq, kif bniedem iġib ruħu mal-lights, maż-żebra, ma taqsamx bl addoċċ, dat-tip t’affarijiet”
Barra minn hekk, l-istudenti qed ikunu mgħallma kif għandhom iġibu ruħhom meta jkunu qed jitwasslu lejn l-iskola, x’għandu jsir meta jittajjar xi ħadd u kif issir is-CPR.
Is-Sur Gatt irrimarka wkoll li mhux dejjem tkun possibbli li l-istudenti jiġu huma fi skola partikolari.
“Din il-ġimgħa ġejna kollha Marsaxlokk. Xahar ieħor, flok l-iskejjel jiġu ġo skola waħda, ħa nkunu aħna l-unit induru l-iskejjel differenti u narmaw kollox skola differenti kuljum. Jiġifieri flok it-tfal iċċaqilqu u ġew ġo skola, iċċaqlaqna aħna u morna l-iskola tagħhom aħna. U ħa jkun hemm affarijiet simili jew forsi daqsxejn differenti imma kollha għandhom x’jaqsmu mal-‘health and safety’ fl-edukazzjoni.”
Ta’ kull sena, il-unit iħarreġ mat-tlett elef u ħames mitt student tal-ħames sena fl-iskola sekondarja fl-Ewwel Għajnuna. Dan bil-għan li iktar nies ikunu kapaċi joffru l-assistenza meta jkun hemm bżonnha.
Għas-sessjoni tal-Erbgħa attenda l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li spjega kif is-sistema edukattiva qed tieħu miżuri li jkomplu jipreparaw lill-invidiwi għall-ħajja.
“Ċertament li l-edukazzjoni tajba m’għandix tkun magħluqa biss għall-eżamijiet u testijiet. Trid tkun ukoll preparazzjoni għall-ħajja. U mhux għall-ħajja li ġejja, għall-ħajja ta’ kuljum, illum ukoll. U parti importanti ħafna mill-ħajja ta’ kuljum hi li nieħdu hsieb is-saħħa tagħna, nieħdu hsieb is-sigurtà tagħna. F’pajjiż ċkejken bħal tagħna fejn it-traffiku jilħaq kullimkien importanti ħafna li t-tfal tagħna jkunu jafu jieħdu ħsieb saħħithom u s-sigurtà tagħhom fit-toroq tagħna u fuq il-mezzi tat-trasport”