Id-depressjoni teżisti u hi marda reali. Skont l-Organizzazjoni Dinjija tas-Saħħa hemm diversi forom ta’ depressjoni iżda karaterristiċi komuni huma dwejjaq, li wieħed jitlef interess f’affarijiet li normalment kien iħobb, problemi bl-irqad, għejja, problemi biex wieħed jikkonċentra u bidla fl-aptit għall-ikel. Id-depressjoni tista’ tkun ukoll minħabba ċirkostanzi li wieħed ikun għaddej jew għadda minnhom bħal problemi soċjali, problemi tas-saħħa, problemi ta’ xogħol eċċ.
Sfortunament minħabba li l-kundizzjoni ma tistax titkejjel b’mod li jidher, per eżempju permezz ta’ testijiet tad-demm jew kejl ieħor, jista’ jkun li l-persuna jew dawk ta’ madwarha ma jindunawx li qegħdin f’sitwazzjoni li tirrikjedi l-għajnuna.
Oħrajn jindunaw li għandhom bżonn l-għajnuna u ma jafux fejn se jsibuha u għaldaqstant huma ħafna li jfittxu għajnuna permezz tal-internet u l-media soċjali.
Waqt li xi informazzjoni tista’ tkun utli biex wieħed jagħmel l-ewwel passi neċessarji biex ifittex l-għajnuna mhux dak kollu li ssib fuq il-media soċjali huwa veru jew xjentifikament korrett.
Għalhekk wara diversi kuntatti li rċevjna bħala Ufficċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u li ġew investigati, qed nagħtu parir li wieħed għandu jfittex pariri u servizzi mingħand entitajiet li huma reġistrati u rikonoxxuti fil-qasam talkura tas-saħħa mentali u mingħand professjonisti li huma liċenzjati u regolati biex joffru dawn is-servizzi.
Servizzi minn entitajiet jew individwi li mhux liċenzjati jew regolati biex jagħmlu dan ix-xogħol jistgħu ikunu ta’ dannu aktar milli ta’ ġid għal persuni vulnerabbli speċjalment jekk is-servizzi jiġu ppreżentati bħala ‘kura ta’ malajr u b’xejn’.