Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis nieda inizjattiva ġdida, Kotba bit-Tipa Kbira, li għandha l-għan li tippromwovi l-anzjanità attiva permezz tal-letteratura Maltija.
Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ppubblika sensiela ta’ sitt kotba tal-kittieb Frans Sammut, inkluż: Il-Gaġġa, Samuraj, Paceville, Logħba bejn Erbgħa, Kristu fil-Poeżija Maltija 1913-1973, u Labrint u Stejjer Oħra. Dawn ser ikunu qegħdin jitqassmu fiċ-ċentri tal-Università tat-Tielet Eta, fiċ-ċentri ta’ matul il-jum, fid-djar residenzjali, u ġewwa San Vinċenz De Paul, sabiex l-anzjani f’Malta u Għawdex ikunu jistgħu jgawdu dawn il-pubblikazzjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sostna illi “il-qari huwa l-ikel tal-moħħ u allura nixtieq li l-anzjani tagħna jkollhom l-opportunità jibqgħu jassorbu kemm jista’ jkun l-għerf b’mezzi u metodi differenti.” Huwa stqarr illi din l-inizjattiva ġiet żviluppata wara li saret riċerka mill-Università ta’ Malta li wasslet biex nifhmu aħjar il-bżonnijiet u x-xewqat tal-anzjani f’pajjiżna.
Il-Prof Marvin Formosa, Kap tad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta, spjega illi l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-kotba b’tipa kbira hija preċiżament skont ir-rakkomandazzjonijiet fil-Pjan Strateġiku Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva li jappella lill-Gvern biex jimplimenta firxa usa’ ta’ opportunitajiet għall-parteċipazzjoni soċjali fl-età aktar avvanzata, li jżidu l-motivazzjoni tal-anzjani biex isaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet soċjali billi jieħdu nota tal-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom, u li jindirizza l-ostakli għall-impenn soċjali, speċjalment dawk esperjenzati minn adulti anzjani vulnerabbli.
Is-Segretarju Parlamentari awgura lill-anzjani sabiex igawdu din il-letteratura Maltija tal-aqwa livell.