Il-President tal-Unjin tal-Għalliema, Marco Bonnici, kien ċar meta qal li l-MUT m’għandiex kwistjoni bil-pre fabricated classes li qed jintużaw fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar. Dan sakemm jitlesta l-bini tal-iskola ġdida fil-Qawra.
Il-kontroversja qamet wara li din il-kwistjoni spiċċat tpoġġiet fl-arena politika partiġjana mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Mistoqsi dwar is-suġġett il-President tal-MUT qal li s-soluzzjoni ta’ dawn il-klassijiet kienet tajba.
Fil-programm Marco Bonnici tkellem dwar kif l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar kibret b’rata fenomenali u għalhekk kien meħtieġ li tittieħed din it-tip ta’ azzjoni.
Sostna li meta bdew jintużaw l-MUT kienet saħansitra għamlet żjarat fihom.
“Tajjeb li ngħidu li aħna ovvjament morna fuq il-post at the time meta saru dawn il-klassijiet pre-fabbrikati. Il-problema ta’ dawn il-klassijiet mhix is-servizz li hemm fihom. Dawn huma mgħammra bil-faċilitajiet kollha.”
Is-Sur Bonnici qal li l-uniku kwistjoni li jara hi kemm se ddum din l-istruttura.
“Li tuża din l-istruttura biex tilqa’ għall-istudenti hija tajba. Kemm se ddewimha dik l-istruttura”, qal Bonnici.
Fil-programm il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li hemm impenn l-iskola tal-Qawra titlesta meta għandha titlesta u hu wkoll jara dawn it-tip ta’ klassijiet bħala soluzzjoni temporanja.
Hawn il-Ministru Bartolo tkellem dwar l-isfida li hemm fis-settur hi li llum hemm inqas kuntratturi li għandhom għatx ta’ xogħol tal-Gvern.