Il-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit bir-raġun jinsabu mħassba bl-iżviluppi li qed joħorġu minn BREXIT.
Fil-kapitali Londra, Maltin li tkellmu ma’ dan l-istazzjon spjegawlna x-xogħol li jagħmlu.
L-attriċi Donna Borg spjegat kif hi apparti li taħdem fuq il-palk, tgħallem il-Malti f’Londra.
Spjegat kif hija tgħallem ilsien art twelidha anki lil nies li m’għandhomx rabta ma’ pajjiżna.
Donna Borg Attriċi u Għalliema tal-Malti qalet: “Iva kien hemm, m’humiex biss persuni li twieldu l-Ingilterra, kelli persuni bħal pereżempju mill-Polonja, Russja, jiġifieri hemm ukoll, mhux persuni biss mill-Ingilterra.”
Dlonk staqsejniha dwar BREXIT u kif taħseb li se jolqotha.
Hi kompliet billi qalet : “Mhux għax ma tinkwetax però tajjeb li naħseb li l-persuni li jgħixu hawn hekk bħalissa naħseb jżommu ruħhom infurmati. Jaraw ukoll fil-każ tagħhom x’japplika. Jekk ma japplikax is-settle status, jekk jixtiequ jkomplu jgħixu hawn hekk, jew il-pre-settle status jekk ilhom jgħixu inqas minn 5 snin u jimxu minn hemm hekk.”
Min-naħa l-oħra l-kirurgu Dr. Cynthia Borg li ilha snin tagħmel xogħol siewi fil-qasam tas-saħħa fl-Ingilterra spjegat kif BREXIT iħassibha ferm.
Hija qalet li : “Il-problema hija jekk fil-futur din hux se tikkrea żewġ saffi ta’ nies l-Ingilterra. Jekk saff ta’ nies li huma ċittadini Ingliżi propja u nies ta’ settlement status. I mean s’issa qed jgħidulna li b’settlement status ħa jkollna drittijiet bħal drittijiet għal saħħa, pensjonijiet u drittijiet għall-benefiċċji oħra imma din dejjem fuq moħħok jekk fil-futur, f’5 snin, 10 snin ieħor jekk hux se jinbidel xi ħaġa.”
https://studio.youtube.com/video/q0mMi9ArwP0/edit?utm_campaign=upgrade&utm_medium=redirect&utm_source=%2Fmy_videos