B’risposta lil Salvini, Mahmood il-kantant rebbieħ tad-69 edizzjoni tal-Festival ta’ San Remo 2019 qal li huwa 100%Taljan.
Mahmood qal dan f’intervista fuq il-medja Taljana bi tweġiba għar-reazzjoni tad-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini li malli tħabbar ir-riżultat ta’ San Remo fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu ħareġ tweet li fiha esprima diżappunt għall-kanzunetta ‘Soldi’ li rebħet dan il-festival tant prestiġġjuż fl-Italja.
Mahmood li twieled l-Italja minn omm Taljana u missier Eġizzjan qal li ddedika r-rebħa tiegħu lil ommu u lil dawk kollha li dejjem tawh appoġġ f’ħajtu.
Mahmood qal li l-kanzunetta titratta dwar il-problema biex wieħed ifendi f’din id-dinja, mhux f’dak li għandu x’jaqsam mal-flus biss, iżda wkoll mad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-familji u r-relazzjonijiet sentimentali ta’ bejniethom.
L-ispirazzjoni tal-kanzunetta “Soldi” kienet ħarġa ma’ sħabu eżattament waqt logħba magħhom.
Il-kantant se joħroġ l-ewwel single tiegħu f’Marzu, iżda prijorità oħra li għandu bħalissa hija l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Eurovision Song Contest li se jsir f’Iżrael f’Mejju li ġej.