Il-Ħadd il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel numru ta’ rimarki kompletament skorretti u mibnija fuq kampanja ta’ falsitajiet. Fil-qasam ta’ bini ta’ skejjel dan il-Gvern għamel passi ’l quddiem biex f’dawn l-aħħar snin għamel iżjed minn skola waħda ġdida fis-sena.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, intqal li mill-2013 lil hawn infetħu skejjel ġodda fosthom f’Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, Ħaz-Żebbuġ, Pembroke, Għajnsielem (MCAST) f’Għawdex, Marsaskala u fiż-żmien li ġej fil-Qawra. Fil-passat il-politika kienet ta’ skola waħda fis-sena u xejn aktar. Illum mhux talli qed jinbnew skejjel ta’ kwalità għolja u adattati għal bżonnijiet edukattivi, iżda f’dan l-aħħar snin rajna investiment qawwi f’manutenzzjoni u tisbiħ fil-kulleġġi kollha ta’ pajjiżna li kienu tħallew jintelqu f’leġislaturi ta’ qabel.
Li qal Adrian Delia fuq San Pawl il-Baħar huwa kompletament skorrett u juri kif jittratta kwistjonijiet sensittivi bħall-edukazzjoni għal skopijiet partiġġjani.
Ma hemm l-ebda containers la fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar u fl-ebda post ieħor. It-tfal f’San Pawl il-Baħar jieħdu l-edukazzjoni fl-aqwa klassijiet, bl-arja kundizzjonata, all-in-one PCs, interactive whiteboards u kull tip ta’ teknoloġija oħra li dan il-Gvern investa fiha f’dawn l-aħħar snin. Il-fatt li l-binja hija pre-fabricated ma jnaqqas xejn mill-kwalità tal-istruttura jew tal-esperjenza edukattiva.
Tajjeb jiġi ċċarat li dawn it-tip ta’ klassijiet ilhom jintużaw mill-2016 u l-feedback minn kulhadd kien dejjem wieħed pożittiv.
Huwa kruċjali, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni, li ma jkunx hemm dan it-tip ta’ logħob bil-kliem jew partiġġjaniżmu għax fl-aħħar mill-aħħar huma t-tfal tagħna lkoll li jbatu. L-edukazzjoni dejjem kien qasam fejn is-sens komun irrenja, lil hinn minn punti politiċi.
Pajjiżna qed jikber minħabba l-ġid ekonomiku u din hija xi ħaġa pożittiva għal familji Maltin u Għawdxin. Il-Ministeru se jkompli jaħdem id f’id mal-bqija tal-Gvern biex l-isfidi li dan iġib miegħu jiġu indirizzati, bi pjan u b’serenità, u mhux se jaqa’ għal kultura ta’ biża’ u sensazzjonaliżmu ta’ ħaddieħor, temmet tgħid l-istqarrija.