Madwar 60 voluntier tas-salvataġġ minn Malta, l-Italja, il-Portugal, ir-Renju Unit, il-Greċja, Ċipru, l-Ungerija u Franza iltaqgħu f’Malta biex isalvaw midruba minn xenarji differenti ta’ terremot, billi jużaw tekniki speċjalizzati fl-Urban Search and Rescue (USAR) u salvataġġ bil-ħbula.
It-timijiet differenti ta’ salvataġġ, se jkunu qed jużaw tined għal stazzjonament rapidu għat-tmexxija u l-koordinament tal-eżerċizzju. Dawn it-tined jistgħu jintużaw ukoll bħala żona ta’ triage u anka bħala kwartieri għall-irqad, u b’hekk iżidu l-effiċjenza tar-rispons lokali f’każ ta’ emerġenzi. Minkejja li jitkellmu b’ilsna differenti, il-voluntiera tas-salvataġġ se jaħdmu flimkien biex jirfinaw il-ħiliet tagħhom u jkunu jistgħu jassistu kull meta u kull fejn ikun hemm bżonnhom.
SIMULEX19 hija waħda mill-attivitajiet ta’ proġett finanzjat mill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF), li l-għan ewlieni tiegħu huwa t-tħejjija tal-voluntiera tas-salvataġġ ħalli jkunu dejjem lesti biex jagħtu l-għajnuna f’każ ta’ emerġenza.
Dan huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-EVOLSAR – assoċjazzjoni Ewropea għat-Timijiet Voluntiera tal-Protezzjoni Ċivili – li l-EFRU hija waħda mill-fundaturi tagħha. L-assoċjazzjoni taħdem bl-għan li jkollha grupp ta’ timijiet ta’ voluntiera Ewropej li jitħarrġu flimkien f’diversi dixxiplini tal-protezzjoni ċivili, biex ikunu jistgħu jassistu bħala grupp wieħed meta tinqala’ xi diżgrazzja f’xi pajjiż ta’ xi wieħed mill-Istati Membri jew xi pajjiż ieħor skont il-bżonn. Bħalissa, l-assoċjazzjoni hija magħmula minn ħmistax-il membru minn għaxar pajjiżi differenti.