Is-Sibt filgħodu, id-daħla tal-Belt Valletta ħadet xejra differenti hekk kif il-pubbliku daq ftit mir-rutina ta’ kuljum tal-erba’ entitajiet li joffru servizzi tal-emerġenza.
Fid-dawl li fi ftit jiem Malta tfakkar il-linja wieħed wieħed tnejn, il-linja tal-emerġenza, rappreżentanti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mill-Korp tal-Pulizija, timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei, il-Forzi Armati ta’ Malta, u anke s-servizzi tal-għoti tad-demm, ilkoll kellhom iċ-ċans juru x’inhu l-irwol tagħhom meta tidħol talba għal servizz tal-emerġenza. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf aħjar dwar kif għandu juża n-numru wieħed wieħed tnejn.
Emanuel Psaila, id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, spjega li dan il-kuntatt dirett mal-pubbliku huwa kruċjali.
Emanuel Psaila d-Direttur tas-CPD qal: “Qiegħed viċin tal-poplu, qiegħed one to one u l-poplu qed isaqsi, jara, imiss, jipparteċipa, li inti tkun preżenti fuq il-midja soċjali huwa tajjeb, imma dal-kuntatt man-nies nemmen li huwa importanti ħafna”.
Kien hemm interess kbir fl-attivitajiet li kienu għaddejjin, iżda fil-ħin li ONE News żar l-attività, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien l-aktar wieħed bieżel.
Huwa kompla billi qal: “Nistqarr li l-obstacle course li ħloqna għat-tfal gibdu lit-tfal żgħar ħafna li b’hekk qed inħajjruhom jitgħallmu x’inhu x-xogħol ta’ firefighter”.
Timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei taw dimostrazzjoni dwar x’jiġri f’xi inċident tat-traffiku serju fejn persuna jkollha bżonn tingħata s-CPR, u suldati tal-Armata, fosthom il-Kap Kmandant, il-Brigadier Jeffrey Curmi, ukoll kienu preżenti biex jagħtu informazzjoni dwar l-irwol tagħhom f’każ ta’ emerġenża.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia spjega ma’ ONE News li s-sehem ħolistiku ta’ dawn id-dixxipplini kollha huwa kruċjali biex ikunu salvati l-ħajjiet, iżda tajjeb li wieħed jaħseb lil hinn minn hekk.
Il-Ministru Michael Farrugia qal: “Hemm żvilupp ukoll li karozzi ġodda jkunu mgħammra biex f’każ ta’ inċident, jiġi triggered it-telefonata mill-karozza, tasal fl-uffiċċju, jirċievu l-lok eżatt ta’ fejn hi l-karozza u s-servizzi tal-emerġenza jaslu kollha fuq il-post biex jagħtu l-għajnuna lill-persuna li qegħda f’inċident.
Fuq kollox, saħaq li l-pubbliku jrid jagħti sehemu wkoll billi ma jabbużax mill-użu ta’ dawn is-servizzi.
Huwa kompla billi qal: L-aktar ħaġa mportanti hi li l-poplu Malti u Għawdxi jifhem l-importanza ta’ kif jintuża l-112. Dan m’għandu jkun qatt abbużat għax jista’ jfisser ħajja jew mewt ta’ persuna oħra.