Somalu ta’ 35 sena residenti Birkirkara, inżamm arrestat wara li offenda u ta daqqa ta’ ponn lill- pulizija u li kien riċediv.
L-ispettur Stacey Attard irrakkontat kif il-Ġimgħa l-Pulizija tal-Marsa rċevew rapport li kien hemm storbju fi Triq Patri Feliċjan Bilokka fil-Marsa stess.
Meta marret fuq il-post il-pulizija sabet li kien hemm argument. Fih kien involut l-akkuzat, Hasan Mahoud Fatah li kien fis-sakra u bi flixkun tal-ħġieġ imkisser f’idu.
Wara li pulizija prova jgħidlu bil-kelma t-tajba biex imur id-dar huwa allegatament infexx jitkellem u jagħmel mossi vulgari filwaqt li taħ daqqa ta’ ponn f’wiċċu.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat difensur, Dr. Simon Micallef Stafrace talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba hekk kif saħqet li l-komportament tal-akkużat huwa perikoluż.
Għaldaqstant il-Qorti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.