Anzjan ta’ 70 sena mwieled il-Ħamrun u joqgħod ix-Xagħra Għawdex ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li abbuża sesswalment lin-neputija tiegħu ta’ 14-il sena.
Il-każ allegatament seħħ fid-dar tan-nanniet fil-bidu ta’ Frar li għadda b’sorsi qrib ONE NEWS jgħidu li l-anzjan mess sider it-tfajla minn fuq il-ħwejjeġ.
Il-Pulizija kkonfermat ma’ One News li r-raġel tressaq il-Qorti l-Ħamis li għadda mixli fost oħrajn li kkorrompa lin-neputija tiegħu fil-bidu ta’ Frar u fis-snin ta’ qabel.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur John Spiteri xliet lill-anzjan ukoll li ħa sehem f’attivitajiet sesswali man-neputija tiegħu meta kienet fdata lilu biex jieħu ħsiebha, jgħallimha u jindukraha.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri ma laqgħetx it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest u ordnat lill-imputat jinżamm f’post xieraq fil-ħabs sabiex jiġu evitati inċidenti magħrufa li jseħħu f’dawn il-każijiet.
Il-Qorti ordnat ukoll divjett tal-isem l-imputat u l-vittma minuri biex titħares l-identità tan-neputija.
Intant sorsi qrib One News qalu li t-tifla għandha problemi biex tikkomunika u għadha ma tkellmitx mal-pulizija. Żied jingħad li t-tifla kienet qiegħda tgħix man-nanniet wara li ttieħdet lil ommha għax jidher li kienet qed tabbuża mid-droga.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar dan il-każ se tibda l-ġimgħa d-dieħla quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud.