Frott konsultazzjoni wiesgħa l-gvern baqa’ jtejjeb dak propost oriġinarjament mal-grupp Corinthia.
Bil-Partit Laburista nnota fi stqarrija li l-gvern reġa’ wettaq dak li wiegħed billi “kkonsulta u sema’.”
Kien iktar kmieni din il-ġimgħa li l-Ministru Konrad Mizzi spjega l-bidliet ewlenin li kiseb il-gvern f’laqgħa tal-Kumitat tal-Ambjent tal-Parlament. U tul il-jum tal-ġimgħa l-Ministru Mizzi kkonferma li l-gvern se jippreżenta ftehim aġġornat.
B’reazzjoni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ ħareġ kontra dak li għamel il-gvern, bil-Partit Laburista jwieġbu u jgħid li Adrian Delia għamel kif għamel dejjem, ħareġ jattakka investiment li kien għad hemm diskussjonijiet u negozjati dwaru.
Il-Partit Laburista saħaq li Adrian Delia mhux kredibbli għaliex jikkritika l-gvern li kieku jibqa’ għaddej, imma jikkritikah ukoll għax jikkonsulta. Saħansitra minkejja li tejjeb il-ftehim, Delia qal li l-gvern ma jismax.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Adrian Delia nnifsu kkonferma kif id-diskussjonijiet dwar dan l-investiment ilhom għaddejin.
Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kien favur il-proġett u Delia qatt ma lissen kelma kontra tiegħu.
Dan sakemm ma spiċċax taħt attak intern lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.
Hemm il-Partit Nazzjonalista qaleb il-pożizzjoni tiegħu. Biex eventwalment kien żvelat li Delia ried ipattiha lil Alex Perici Calascione, kontestant għal Kap li martu għandha interess fil-grupp Corinthia.
Mistoqsi kif Perici Calasicone spiċċa tkeċċa minn gruppi tal-PN fl-istess perjodu li l-PN ħareġ jattakka l-ftehim Corinthia, Delia ma ta ebda spjega.
Intant, il-Ministeru għat-Turiżmu wkoll irreaġixxa u qal li r-reazzjoni ta’ Delia tikxef id-dgħjufija tiegħu. Il-Ministeru fakkar fil-bidliet li kienu spjegati quddiem il-kumitat għall-ambjent u żied li hemm aspetti oħra li għadhom għaddejin negozjati dwarhom.