Mhuwiex xogħol faċli. Ikun hemm mumenti meta nibki mal-pazjenti, u ġieli anki waħdi, u jkolli bżonn nirrifletti fuq it-tbatija li jkunu għaddejjin minnha l-pazjenti.
Hekk stqarret ma’ ONE News Helen Attard Bason – infermiera fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li fl-aħħar xhur bdiet tagħti servizz speċjalizzat lil madwar mija u għaxar pazjenti li għandhom kanċer fil-prostata u huwa aktar komuni fost l-irġiel.
Iddeskriviet l-irwol tagħha bħala mixja mal-pazjent, u qalet li l-aħbar innifisha li jingħataw dawn in-nies tkun xokk, u meta jisimgħu l-kelma “kanċer”, jaħsbu mill-ewwel fil-mewt.
Attard bason qalet li “Kull individwu li jingħata din l-aħbar ikun jixtieq aktar informazzjoni. X’se jsir minni? Jingħataw kemm jista’ jkun sapport psikoloġiku, informazzjoni, gwida, u jiena nassigura lill-pazjent flimkien mal-familja tiegħu li mhumhiex se jkunu waħedhom.”
Helen hija nurse navigator – infermiera li tispeċjalizza f’tip partikolari ta’ kanċer – u x-xogħol tagħha huwa frott ħidma tad-Direttorrat Cancer Care Pathways.
Id-Direttur Danika Marmara spjegat li d-Direttorat inħoloq erba’ snin ilu biex jistudja l-bżonnijiet ta’ pazjenti morda bil-kanċer.
Irriżulta li l-pazjenti kienu jħossu nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-professjonisti – hekk kif f’ċertu każi pazjent wieħed ikollu x’jaqsam ma’ dsatax-il professjonist.
Għaldaqstant, bdew jitħarrġu dawk li qed jissejħu nurse navigators biex ikunu l-punt ta’ referenza bejn il-pazjent u l-professjonisti.
Marmara qalet li “Dawn in-nurse navigators jgħinu lill-pazjent u anki qraba fil-bżonnijiet u jgħinu biex inaqqsu l-waiting times li jkun hemm biex ma jitilfux ħin u anki jgħinu fil-koordinazzjoni u l-kontinwita tal-kura.”
It-trattament għal pazjenti b’kanċer fil-prostata – it-tip ta’ kanċer li tispeċjalizza fih Helen – huwa avvanzat iżda jieħu l-ħin, u jħalli effetti mhux biss psikoloġiċi iżda oħrajn li jaffettwaw il-ħajja sesswali tal-individwu.
Qalet li “Is-sapport li nagħti huwa kemm lill-pazjent u kemm lill-familja tiegħu speċjalment meta jkunu koppja ngħidilhom din hija problema mhux tal-individwu biss imma problema bħala koppja.”
Kull sena f’pajjiżna jitfaċċaw madwar elfejn każ ta’ kanċer ġdid, filwaqt li mad-disa’ mitt persuna jitilfu ħajjithom minħabba din il-marda.
Dr. Marmara spjegat li meta ssir dijanjosi jitlaqqa’ mill-ewwel tim multidixxiplinarju magħmul minn bosta professjonisti li jiddiskutu t-tip ta’ kura li jkollu bżonn il-pazjent – jekk imurx dritt għall-kirurġija jew kimoterapija – jew f’ċertu każi t-tnejn.
Spjegat kif “Bħala nurses psikoloġikament inkunu affettwati ħafna imma jiena li għandi esperjenza ta’ sitta u tletin sena f’dan il-qasam, nista’ niccopeja mal-emozzjonijiet tiegħi pero ġieli eħe ma tkunx faċli u ġieli jkun hemm mumenti fejn anki bkejt magħhom.”