F’temp ta’ erba’ snin, aktar minn mitejn u disgħin persuna ngħataw sentenza ta’ ordni ta’ servizz fil-komunità minflok ma ntbagħtu l-ħabs.
Ma’ ONE NEWS, Antonella Debono, uffiċjal tal-Probation spjegat kif ix-xogħol fil-komunità jiġi ordnat mill-Qorti u huwa mezz alternattiv ta’ kif persuna li tkun xellfet difrejha mal-ġustizzja tħallas ta’ għemilha bla ma tiġi kkastigata b’sentenza ta’ ħabs.
Hija qalet li “Tinvolvi persuna li tkun instabet hatja min-naħa tal-qorti u bħala piena tigi obbligata tagħmel numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-komunità bla ħlas. In-numru ta’ sigħat ta’ xogħol jiġi deċiż min-naħa tal-qorti fejn il-minimu huwa ta’ erbgħin siegħa u l-massimu ta’ erba’ mija u tmenin siegħa.”
Is-Sinjura Debono qalet li din il-piena alternattiva tinvolvi ammont ta’ sigħat li matulhom isiru bosta xogħlijiet bla ħlas f’għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Dan jinvolvi manutenzjoni, tisbiħ, snajja’, tindif, għajnuna fil-komunità kif ukoll dak vokazzjonali:
Sostniet li: “It-tip ta’ xogħol jiddependi mill-ħiliet tal-persuna. L-iskop prinċipali huwa li persuna tpatti għall-aġir tiegħu jkun qed jagħti kumpens lis-soċjetà permezz tax-xogħol li jkun qed jagħmel.”
Minn ċifri li kiseb dan l-istazzjon, l-aktar sena li fiha nħarġu ordnijet ta’ servizz fil-komunità kien fl-2016 fejn b’kollox 58 għamelu sebat elef siegħa ta’ xogħol fil-komunità
Fl-istess sena f’Għawdex erba’ persuni oħra ġew ordnati jagħmlu total ta’ sitt mitt siegħa.
Is-Sinjura Debono qalet li s-servizzi fil-komunità jvarjaw minn każ għall-ieħor bil-ġudikant jistabilixxi n-numru ta’ sigħat u ż-żmien li wieħed għandu jagħmel. Dan bil-għan li l-imputat mhux biss iħallas ta’ għemilu imma permezz tal-ħiliet tiegħu, ikun ta’ servizz għall-oħrajn.
Is-Sinjura Debono qalet li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn in-nies itemmu din l-ordni b’suċċess.