Miexi sew ix-xogħol infrastrutturali fuq il-bini ta’ ħażna ġdida tal-fjuwil f’Ħas-Saptan ’il bogħod mir-residenti.
Dan il-proġett b’investiment ta’ 70,000,000 ewro jilħaq l-istandards Ewropej u se jwassal għall-għeluq tal-ħażna u d-distribuzzjoni tal-fjuwil li għal diversi snin saru mill-impjant tal-31 ta’ Marzu fil-qalba tar-residenti ta’ Birżebbuġa.
Ix-xogħol jinkludi wkoll il-manutenzjoni u r-rinovar tal-impjant eżistenti li għandha l-kumpanija Enemed f’Ħas Saptan.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mill-Ministru għall-Eneriġja Joe Mizzi, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-kumpanija Enemed, Kevin Chircop spjega li l-impjant il-ġdid qed isir b’teknoloġija li pajjiżna s’issa qatt ma ra bħalha. Qal li l-impjant il-ġdid se jkun ħafna iżgħar minn dak f’Birżebbuġa.
Kevin Chircop, iċ-Ċermen Eżekuttiv qal: “ L-impjant li hemm Birżebbuġa juża 38 tomna ta’ art. Hawnhekk se nużaw 6 tomniet. Barra minn hekk it-teknoloġija li hemm Birżebbuġa, għalkemm tilħaq l-istandard, però huma sistemi m’humiex awtomatiċi, sistemi mekkaniċi fejn hemm bżonn l-intervent tal-ħaddiema. Hawnhekk is-sistemi ħa jkunu kollha kompjuterizzati.”
Permezz ta’ sistemi ta’ sigurtà żdiedu wkoll il-prekawzjonijiet li jidħlu fis-seħħ f’każ ta’ inċident bħal dħul ta’ fjuwil eċċessiv f’xi tank jew ħruġ ta’ fjuwils f’valvijiet u pajpijiet. Permezz ta’ sistema apposta, il-ħaddiema wkoll se jkunu mħarsa f’każ ta’ inċident minn dħaħen tossiċi li joħorġu mill-fjuwils.
Il-Ministru għall-Enerġija, Joe Mizzi saħaq li dan il-proġett qed jara t-twettiq tal-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li l-ħażna tal-fjuwil ma tibqax fil-qalba ta’ Birżebbuġa u se trendi nifs ġdid għar-residenti ta’ din il-lokalità.
Il-Ministru Joe Mizzi qal: “Bħal m’għamilna bl-għeluq tal-powerstation tal-Marsa, u ta’ Marsaxlokk, fejn hemmhekk spiċċa l-heavy fuel oil, kulħadd kien jaf kemm iniġġes. Hawnhekk ukoll permezz ta’ dan il-proġett, ħa ngħid hekk, il-proġett is-sistema li se jkun hawn, ma joħroġx il-gass tal-fjuwil barra għax sistema li tkun magħluqa.
Il-Ministru Mizzi qal li sal-aħħar tas-sena għandhom ikunu mxew l-operazzjonijiet mill-impjant f’Birżebbuġa għall-ħażna l-ġdida f’Ħas Saptan.
Dan hekk kif t-tankers se jippumpjaw il-fjuwil ’il barra minn Marsaxlokk direttament għal Ħas Saptan.
Il-proġett jinkludi wkoll faċilità għad-distribuzzjoni tal-fjuwils madwar il-pompi f’pajjiżna.
Il-Ministru Mizzi qal li l-fatt li l-impjant jinsab f’post industrijali, jagħmilha iżjed faċli sabiex it-trakkijiet tal-fjuwils ma jgħaddux minn toroq residenzjali.