Victor Fenech ta’ 47 sena kien akkużat b’attentat ta’ serq u li kien riċediv wara li daħal f’dar anzjan bil-lejl u ma sab xejn x’jisraqlu.
Fil-Qorti, Carmelo Calleja ta’ 85 sena xehed li meta qam għodwa waħda lura f’Marzu tal-2012 sab taqlib kbir fid-dar u l-bieb ta’ barra sgassat. Huwa saħaq li filwaqt li kellu jonfoq €100 biex isewwi l-bieb huwa ma kellu xejn x’jinsteraqlu hekk kif jiddependi fuq il-pensjoni.
L-akkużat li ma jaħdimx ċaħad l-akkużi, iżda l-prosekuzzjoni uriet kif instabu l-marki tas-swaba ta’ idejn l-akkużat fuq pultruna fid-dar tal-vittma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi miġjuba kontrieħ u bagħtitu 18-il xahar ħabs filwaqt li ordnatu jħallas madwar €745 fi spejjeż tal-Qorti.