Alexander Camilleri, Suldat fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta u Feliciano Camilleri nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li nhar it-Tnejn 4 ta’ Frar wettqu ġrieħi lil bosta edukaturi u student, fl-Iskola Santa Klara f’Pembroke.
Iż-żewġ imputati jiġu z-Ziju u l-Missier ta’ wieħed mit-tfal li minnhom bdiet il-ġlieda fl-Iskola ta’ Santa Klara f’Pembroke jumejn ilu.
Fil-Qorti l-Ispettur Joseph Xerri spjega li kien għal ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument fl-Iskola ta’ Santa Klara f’Pembroke. L-argument beda meta żewġ studenti li jattendu f’din l-iskola ġġieldu fil-brejk. Jidher li l-istudent Malti mar biex jiddewwa għand in-ners fl-iskola.
Min-naħa tagħha n-ners ċemplet lill-ġenituri tiegħu għaliex ma bedhiex iħossu tajjeb, tant li skond l-avukat difesur tal-imputat Dr. Alfred Abela għadhom qed jistennew l-eżitu ta’ diversi testijiet.
L-Ispettur Xerri spjega li meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu li t-tlett irġiel kienu laħqu ħarbu minn fuq il-post, madankollu l-Pulizija arrestat tnejn minnhom ftit wara, b’wiehed minnhom, missier wieħed mit-tfal jitressaq il-Qorti.
L-Imputat l-ieħor jiġifieri s-suldat ta’ 46 sena li jiġu z-ziju tal-istess tifel ġie arrestat l-għada meta ġie identifikat. Skond l-Ispettur Xerri huwa ħarab minn fuq il-post u żamm l-identita’ tiegħu mistura mill-Pulizija. Camilleri jiġi z-ziju ta’ wieħed mill-istudenti .
Fid-digriet taghha l-Qorti ppreseduta mill-Magistrat Joe Mifsud cahdet it-talba ghal helsien mill-arrest taz-zewg imputati.
Qalet li huwa prinċipju li meta persuna akkuzata tkun prezunta innoċenti il qorti tiddikjara li vjolenza qatt ma hi accettata wisq anqas fl-iskejjel. Kompliet tgħid li bhala edukaturi għandhom dritt u obbligu li jikkoregu lill-istudenti tagħhom.
Il-Maġistrat Mifsud qal kif każijiet bħal dawn iħallu marka li l-ebda żmien ma jhassar. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi jiġifieri l-edukaturi inwkistjoni u l-istaff kollhu tal-istess skola.
Intant, il-każ seħħ fl-Uffiċju tal-Assistent Kap tal-Iskola meta allegatament it-tlett irġiel daħlu għall-istudent l-ieħor f’dan l-uffiċju b’wieħed minnhom iħebb għall-istudent, bil-konsegwenza li xi edukaturi li kienu fl-uffiċju soffrew xi ġrieħi.