Nhar il-Ħadd, 10 ta’ Frar, hija l-festa pubblika li tfakkar il-miġja ta’ San Pawl fostna. F’din il-ġurnata, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex iżur is-sit arkeoloġiku ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad bi prezz imraħħas. Skont kult tradizzjonali Pawlin, kien hawnhekk li Publiju, il-gvernatur u l-ewwel Isqof ta’ Malta, laqa’ lill-Appostlu San Pawl.
Ta’ min isemmi illi m’hemm l-ebda evidenza dokumentata illi San Pawl kien tassew f’dan il-post. Madanakollu, dan is-sit, li jinkludi wkoll kappella, jiġbed bosta interess minn dawk li għandhom għal qalbhom il-kult u t-tradizzjoni Pawlini. F’din il-ġurnata, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jattendu wkoll għall-quddies f’din il-kappella ta’ San Pawl Milqi.
Arkeoloġikament, dan is-sit għandu valur kbir. Minbarra li hemm numru ta’ oqbra antiki, is-sit huwa wkoll il-lwog tal-aktar fdalijiet estensivi ta’ villa Rumana tipika li ġiet okkupata mill-inqas għal sitt sekli; mit-tieni seklu QK għar-raba seklu WK. Il-fdalijiet ta’ diversi għodod tal-ġebel relatati mal-għasir taż-żebbuġ juru illi sezzjoni mill-villa kienet tintuża għall-agrikoltura, mentri traċċi ta’ żebgħa rfinuta ma’ ħitan ta’ partijiet oħra jindikaw fejn kienet l-abitazzjoni.
F’dawn l-aħħar snin, Heritage Malta qiegħda tiddedika parti minn das-sit għaż-żamma tan-naħal sabiex tipproduċi għasel lokali u prodotti oħra. Dawn il-prodotti se jkunu għall-bejgħ.
Il-viżitaturi jistgħu jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet:
Żjarat gwidati tas-sit li jibdew fid-09.00am (bil-Malti), 10.00am (bl-Ingliż), 11.00am (bil-Malti), 12.00pm (bl-Ingliż), 1.00pm (bil-Malti), 2.00pm (bl-Ingliż), 3.00pm (bil-Malti) u fl- 4.00pm (bl-Ingliż).
Spjegazzjonijiet dwar kif isir l-għasel li jibdew mill-10.30am (bl-Ingliż), 11:30am (bil-Malti), 1:30pm (bl-Ingliż) u fis-2:30pm (bil-Malti).
Se jiġu ċċelebrati żewġ quddisiet fil-kappella ta’ San Pawl Milqi fl-10.00am u fit-3:30pm.
Dan kollu għall-Prezz imraħħas: €2 kull persuna. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org