Matul il-ġimgħa li għaddiet mal-2,500 persuna attendew il-fiera edukattiva organizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bil-għan li l-istudenti jkollhom l-informazzjoni kollha neċessarja biex jagħmlu l-għażliet tagħhom.
L-istudenti li se jagħmlu l-għażla tas-suġġetti kienu tal-Year 8 (Form 2), iżda ġenituri u studenti minn skejjel iktar bikrin u oħrajn mhux tal-Istat għażlu li jattendu għal din l-attività wkoll.
Din il-fiera ġiet organizzata bħala parti mill-ippjanar għall-implimentazzjoni tar-riforma ta’ ‘Il-Vjaġġ Tiegħi’ (My Journey). Il-fiera inkludiet is-suġġetti kollha li minnhom jistgħu jagħżlu l-istudenti inklużi l-għażliet ta’ suġġetti akkademiċi, applikati u vokazzjonali li se ġġib magħha.
Bl-introduzzjoni ta’ erba’ suġġetti vokazzjonali oħrajn li huma Media Literacy, Hairdressing and Beauty, Textiles and Fashion u Retail li jinsabu wkoll fil-kurrikulu tas-suġġetti applikati. Flimkien ma’ dawn is-suġġetti applikati jinkludu oħrajn bħal l-Ospitalità, Agrikoltura, Saħħa u Kura Soċjali, Information Technology u Engineering Technology. L-għan ta’ aktar għażla iżjed miftuħa jwassal għal opportunitajiet u għal progress fil-karriera tal-istudenti.
Ir-rispons kien pożittiv. L-istudenti urew interess fl-għażliet il-ġodda tagħhom. Tħejjew sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar oqsma partikolari, inklużi kif l-istudenti jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom f’ ‘Il-Vjaġġ Tiegħi’. Waqt il-fiera kienu spjegati l-opportunitajiet kollha possibbli lill-ġenituri u lill-istudenti preżenti, permezz ta’ tagħlim vokazzjonali u hands-on.
Dawk kollha li jixtiequ aktar tagħrif jew informazzjoni, huma mitluba jagħmlu kuntatt fuq dg.dcle.mede@gov.mt u jżuru http://www.myjourney.edu.mt