Persuni li jkunu mirkuba mill-vizzju tad-droga se jkunu jistgħu jsegwu programm ġdid li jkunu għadhom kif temmew programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga sabiex jibdew in-negozju tagħhom. Il-programm bl-isem Suċċess ser issir permezz ta’ ftehim milħuq bejn il-kumpanija tal-investimenti tal-Gvern u l-Caritas.
Il-ftehim ġie ffirmat it-Tnejn filgħodu f’Dar Charles Miceli. Dar li tilqa’ fiha persuni li jkunu għadhom kif temmew il-programm tad-droga u qed iffittxu li jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.
Is-Sur Godwin Spiteri li f’dawn l-aħħar ġimgħat temm b’suċċess il-programm tar-rijabilitazzjoni tad-droga, ser ikun fost l-ewwel persuni li jibbenefika minn dan il-programm. Huwa qal kif beħsiebu jimraħ fis-sengħa tal-iskultura, u li minħabba l-problemi li għadda minnhom ma setax.
Is-Sur Harold Bonnici mill-kumpanija responsabbli mill-investimenti tal-Gvern, qal li l-programm se jkollu allokazzjoni inzijali ta’ tletin elf ewro. Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt laqa’ dan il-ftehim b’sodisfazzjon. Huwa qal li l-proġett huwa msejjes sabiex jgħin lil persuni fl-aktar fażi kruċjali fir-rijabilitazzjoni tagħhom. L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u Intrapriżi żgħar Chris Cardona.
Huwa qal li dan il-programm hu maħsub biex jgħin oqsma tas-soċjeta jkunu mgħammra b’ħiliet aħjar u jwasslu għal aktar opportunitajiet. Qal li hija realtà li l-isfidi quddiem dawn il-persuni mhumiex żgħar fid-dinja tax-xogħol, aktar u aktar fit-tmexxija tan-negozju minħabba l-mentalità u l-preġudizzji li sfortunatament għadhom jeżistu.