Preżentazzjoni li għamel il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi fil-Parlament waqt is-smigħ tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, immexxi mid-Deputat Laburista Alex Muscat, hija xhieda ċara ta’ kemm il-ftehim li l-Gvern għamel mal-grupp Corinthia dwar il-proġett fil-ponta tal-bajja ta’ San Ġorġ, huwa wieħed li se jgawdi minnu pajjiżna u l-ekonomija Maltija.
Fil-preżenza ta’ bosta partijiet interessati u ambjentalisti, ingħad li fl-elfejn u tmintax – sena rekord għat-turiżmu, il-konnettività f’Malta żdiedet bi kważi għoxrin rotta.
Il-Ministru Konrad Mizzi tenna li l-viżjoni tal-Gvern issa hija li jattira turisti li jonfqu iżjed – b’mod partikolari mill-iswieq Amerikani u Ażjatiċi. Dan anki fl-isfond li l-wasliet ta’ turisti mill-Istati Uniti fl-elfejn u tmintax żdiedu b’aktar minn tletin fil-mija.
Għaldaqstant, il-proġett ħolistiku tal-Corinthia li se jissarraf f’lukanda ta’ sitt stilel, se tgawdi minnu l-ekonomija Maltija.
Dan minħabba l-lussu li se toffri tali lukanda, li flimkien ma’ lukanda oħra ta’ ħames stilel għal turisti li jiġu Malta fuq xogħol, se toħloq tliet mija u ħamsa u sebgħin spazju ġdid.
U minbarra li żżid il-kwalità tat-turist, il-ftehim mal-grupp Corinthia se jissarraf ukoll f’mitt elf ewro kull sena għal perjodu t’għaxar snin lill-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke u ta’ San Ġiljan biex jintużaw għal proġetti ta’ benefiċċju għall-komunitajiet.
Intant, dan is-suġġett kien diskuss wara li ħareġ fil-midja minħabba allegazzjoni fil-ġurnal The Times il-ġimgħa l-oħra li qalet li d-diskussjonijiet mal-Corinthia se jerġgħu jinfetħu wara li nħarġet twissija. Allegazzjoni li l-Gvern ċaħad mill-ewwel.
Waqt il-Kumitat Parlamentari tat-Tnejn ingħad li kemm il-Memorandum of Understanding kif ukoll il-kuntratt li l-Gvern għandu mal-grupp Corinthia dwar il-proġett fil-ponta tal-bajja ta’ San Ġorġ, se jkunu ppubblikati fil-mument opportun.