Illum tlaqqa’ għat-tieni darba din is-sena l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), bid-diskussjoni tiffoka fuq il-qagħda ekonomika u soċjali u l-iżvilupp tal-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT) f’pajjiżna.
Fl-introduzzjoni, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia tkellem dwar l-aħħar żewġ rapporti internazzjonali dwar pajjiżna, proprju il-konklużjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch. Farrugia fisser kif iż-żewġ rapporti kienu konsistenti dwar il-qagħda ekonomika b’saħħitha ta’ pajjiżna, bit-tkabbir ekonomiku mistenni jkompli jiżboq il-medja Ewropea. Hu qal li r-rapporti jikkonfermaw li r-rata ta’ inflazzjoni se tibqa’ stabbli, li d-dejn se jkompli jonqos, u li l–banek lokali humareżiljenti.
Aaron Farrugia spjega li n-nefqa kapitali kompliet togħla, grazzi wkoll għall-fondi Ewropej li kienu allokati lil pajjiżna u li ġew assorbiti kollha b’suċċess. Farrugia semma’ l-isfidi li għandu l-pajjiż, fuq quddiem nett is-sitwazzjoni ġeopolitika internazzjonali. Kien hawn fejn elenka uħud mill-konklużjonijiet tal-World Economic Forum li sar f`Davos riċentament.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li s-sostennibbiltà tat-tkabbir ekonomiku bla preċedent li qed jesperjenza pajjiżna tirrikjedi li nħaddnu l-avvanzi teknoloġiċi, b’mod partikolari fit-teknoloġija finanzjarja.
Helena Dalli rreferiet ukoll għall-pjan ta’ kontinġenza li jidħol fis-seħħ f’każ ta’ ħruġ mhux ordnat (no deal) tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, fejn assigurat lis-sħab soċjali li l-Gvern se jżommhom aġġornati bi kwalunkwe żvilupp fir-rigward. F’dan ir-rigward kien hemm qbil li tingħata preżentazzjoni dettaljata lis-sħab soċjali f’waħda mil-laqgħat illi jmiss.
Dawn l-interventi kienu segwiti b’żewġ preżentazzjonijiet dwar it-temi elenkati fil-bidu. L-ekonomista Gordon Cordina spjega li t-turiżmu jibqa’ l-akbar kontributur għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna, segwit bir-remote gaming u spettru wiesa’ ta’ servizzi, inkluż is-servizzi finanzjarji u s-servizzi tal-ICT.
Cordina sostna li l-ekonomija Maltija qiegħda dejjem tiddiversifika tant li r-riskji marbuta ma’ setturi partikolari qed ikunu mitigati b’niċeċ ekonomiċi ġodda. Dan jawgura tajjeb għas-sostenibbiltà ekonomika ta’ pajjiżna li kull ma jmur qiegħda dejjem titjieb. F’dan il-kuntest, Cordina appella għal miżuri speċifiċi mmirati lejn dawk li huma l-anqas kapaċi jżommu l-pass mar-rittmu pożittiv illi qbadna, biex b’hekk nassiguraw li ħadd ma jaqa’ lura.
Il-laqgħa kompliet bi preżentazzjoni dwar it-tekonoliġija tar-reġistru distribwit (DLT) minn Mario Borg mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għas-Servizzi Finanzjarji u l-Identità. Is-sħab soċjali qablu dwar l-importanza li jitqajjem aktar għarfien dwar din it-teknoloġija waqt li ninvestu fir-riżorsi umani tagħna biex Malta, li kienet l-ewwel pajjiż li lleġiżlat f’dan is-settur, taħsad il-potenzjal ekomoniku li jirriżulta minnha.