Plakek informattivi dwar siti u binjiet storiċi madwar iż-Żejtun
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima inawguraw il-proġett PLAKKASTORJA li qed isir mill-għaqda volontarja Wirt iż-Żejtun.Il-proġett PLAKKASTORJA se joffri ħolqa bejn ir-riċerkatur tal-istorja u l-poplu, mhux biss dak Żejtuni u l-kumplament tal-Maltin, iżda wkoll mat-turist barrani li jagħżel li jiskopri u jippassiġġa fit-toroq pittoreski taż-Żejtun. Permezz ta’ dan il-proġett se jitwaħħlu 50 plakka tal-metall quddiem binjiet storiċi b’informazzjoni dwar il-bini.
Il-Ministru Owen Bonnci qal li “hu grazzi għal inizjattivi ta’ dan it-tip li hu possibbli li organizzazzjonijiet lokali jkunu jistgħu jkomplu juru u jippromwovu t-tradizzjonijiet u l-wirt tagħna. Dawn il-50 plakka jġorru messaġġ importanti u jgħinu biex inkomplu nħarsu l-wirt lokali tagħna. Aħna impenjati biex inkomplu nagħtu l-appoġġ tagħna għal dawn l-attivitajiet li jkomplu jgħinu biex il-kultura tagħna tkun aktar aċċessibbli għall-membri tal-komunità.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima esprima apprezzament lejn il-ħidma tal-voluntiera fil-lokalitajiet u qal li permezz ta’ dan il-proġett se jkompli jitkattar l-apprezzament tal-wirt storiku taż-Żejtun, b’mod speċjali fost ir-residenti. Żied li d-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tan-nies li jwettqu xogħol fl-għaqdiet volontarji huma essenzjali għax itejbu d-dinjità tal-bniedem.
L-informazzjoni fuq kull plakka hi sew bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u minn fuq kull plakka, permezz tal-QR code u tal-użu tal-mobile, wieħed ikun jista’ jimraħ għal aktar informazzjoni storika u dettalji dwar knejjes, bini storiku u djar.
L-għaqda volontarja Wirt iż-Żejtun spiss torganizza mixjiet kulturali matul it-toroq taż-Żejtun li matulhom tingħata informazzjoni dwar l-istorja u l-arkitettura ta’ diversi binjiet u siti li nsibu fl-istess toroq.
Il-proġett PLAKKASTORJA qed isir minn Wirt iż-Żejtun b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun u ġie parzjalment finanzjat (80%) mill-Voluntary Organisations Project Scheme (2018) imħaddma mill-Kunsill Malti għall-Volontarjat fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat.