It-tkabbir ekonomiku qiegħed isostni r-ruħ soċjali Maltija. Gvern li telaq billi jinċentiva x-xogħol u l-investiment issa qed iħares biex iqassam il-ġid b’mod xieraq u jkompli jagħti wens lill-familji Maltin u Għawdxin b’diversi miżuri.
Dawn il-punti kollha sawwru diskors soċjali għall-aħħar il-Ħadd filgħodu meta l-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza attività politika f’Birkirkara.
Fost oħrajn, il-Prim Ministru Muscat innota d-differenza li għamel dan il-Gvern fil-pensjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Fakkar kif taħt Gvernijiet Nazzjonalista, kien intqal li ċ-ċekkijiet tal-pensjonijiet mhux se jkompli joħorġu. Is-soluzzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista għal din kienet li jgħolli l-età tal-pensjoni jew li jżid il-bolla.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal: “Aħna minflok, permezz tat-tkabbir ekonomiku, qed insibu mod kif mhux biss nassiguraw iċ-ċekk tal-pensjoni. Imma għall-ewwel darba f’25 sena ċ-ċekkijiet tal-pensjoni żidnihom għal 4 snin wara xulxin. Irnexxielna nagħmlu hekk għax ġibna x-xogħol”.
Fost miżuri oħra, li għenu partikolarment lil dawk bi dħul baxx, kien hemm il-benefiċċju ta’ waqt l-impjieg. Dawn il-persuni llum il-ġurnata saru parti integrali mis-soċjetà tagħna, li jaħdmu u jagħtu lura lill-ekonomija.
Il-prim Ministru kompla billi qal: “Aħna morna fit-triq l-oħra. Aħna qbadna t-triq li għidna lil dak li jkun ‘jekk inti ssib xogħol u qiegħed bir-relief, mhux se naqtghu ir-relief. Dak jonqos fuq medda ta’ 3 snin. Eluf ta’ persuni li kienu dipendenti fuq it-taxxi tagħkom u tan-negozji Maltin u Għawdxin, illum tajnihom id-dinjità u ngħaqdu mat-taxpayers Maltin u Għawdxin”.
U r-ruħ soċjali ta’ Gvern Laburista, ma waqftix hemm. Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif dan il-Gvern irdoppja s-sussidju tal-kirjiet f’żewġ baġits konsekuttivi. Sal-lum, 1,800 familja qed jibbenefikaw minn dan is-sussidju
Il-Prim Ministru rrimarka li: “Din il-ġimgħa urejna r-ruħ soċjali ta’ dan il-gvern meta essenzjalment ħabbarna li rduppjajna mill-ġdid is-sussidju tal-kirjiet. Mhux biss irdoppjajna imma wessajna u dawwarna sistema li kienet qed tħalli ċertu impatt, imma l-impatt tagħha kien limitat”.
U dan kollu kien possibbli għaliex l-ekonomija Maltija kibret, u se tkompli tikber. U għaliex il-Gvern qed ikompli jiżviluppa inizjattivi, anke żgħar, li se jagħmlu differenza, fosthom sħubija ġdida mal-knisja u l-patrijiet Franġiskani, fejn studenti Għawdxin u dawk li jiġu għall-kura, ikunu jistgħu jiġu ospitati Malta ma’ qrabatho
Huwa qal ukoll li: “Ruħ soċjali li nuruha bil-fatti għax hemm it-tkabbir ekonomiku. Din il-ġimgħa bdejna nqassmu 8,000,000 ewro oħra lill-anzjani tagħna, anzjani ta’ aktar minn 75 sena li qed nagħtuhom ringrazzjament over and above il-pensjoni biex ngħinuhom”.
Fuq kollox, il-Prim Ministru temm jgħid li Gvern Laburista huwa wieħed li mhux se jibża’ jkompli bir-riformi meta dawn iwasslu biex ikollna soċjetà li ttella’ l-fuq lil dawk li verament għandhom bżonn, u tiftaħ il-bibien lil dawk li jridu jimxu ‘l quddiem.