Il-gazzetta KullĦadd irrimarkat li l-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta bħala A+ stabbli. Fir-rapport tagħhom, l-esperti ta’ Fitch Ratings jgħidu li l-andament tal-finanzi ta’ pajjiżna kien aħjar minn dak f’pajjiżi bl-istess rating.
Dawn l-esperti internazzjonali qed ibassru li, fis-sentejn li ġejjin, il-Gvern Malti ser jibqa’ jirreġistra surplus ta’ qrib il-1% tal-ġid nazzjonali. Dan ser jinkiseb mingħajr dipendenza fuq id-dħul mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. Il-fondi minn dan il-programm fil-fatt mistennija jintużaw biex jiffinanzjaw spiża kapitali akbar.
Minkejja ż-żieda antiċipata fuq proġetti kapitali, Fitch Ratings tgħid li sa 10 snin oħra, il-piż tad-dejn nazzjonali ser ikun naqas għal inqas minn 27%, jiġifieri ferm aktar min-nofs il-piż li kien hemm fl-2012.
Dwar l-andament ekonomiku, ir-rapport ta’ Fitch Ratings jirrimarka li “GDP per capita is significantly higher than the ‘A’ median”. Fitch Ratings innutat li dan ir-riżultat huwa xprunat minn “strong employment and wages”.
Minkejja l-prospetti xejn sbieħ fl-ekonomiji ta’ madwarna, l-ekonomisti ta’ Fitch Ratings qed ibassru tkabbir ekonomiku f’Malta ta’ aktar minn 5% għal din is-sena. Huma jirrimarkaw li “strong growth has not led to overheating as reflected in prices or macro imbalances.”
B’kuntrast għal diversi allegazzjonijiet mill-Oppożizzjoni, l-esperti tal-Fitch Ratings jgħidu li “Malta outperforms the ‘A’ median on the World Bank human development and governance indicators”. Fil-fatt, wieħed mill-fatturi li jispjega r-rating tajjeb ta’ pajjiżna huwa “strong governance and human development indicators relative to peers.” Ir-rapport jinnota kif l-awtoritajiet Maltin qed jimplimentaw rakkomandazzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Awtorità Bankarja Ewropea biex ikomplu jtejbu l-qafas regolatorju, u jinnota wkoll kif is-settur bankarju għaddej minn proċess ta’ konsolidament.
Il-Gvern qal li din l-analiżi pożittiva ta’ Fitch Ratings tikkonferma l-fiduċja li teżisti f’pajjiżna. Dan is-suċċess qed iwassal għal aktar interess f’Malta minn investituri barranin, u b’hekk, għal ekonomija aktar b’saħħitha għall-ġid tal-familji u n-negozji ta’ pajjiżna.