Il-gazzetta KullĦadd tkellmet dwar iċ-ċifri li ppreżenta fil-Parlament il-Ministru għall-Edukazzjoni li juru li fl-aħħar 10 snin kien hemm medja ta’ 40 għalliem fis-sena li ħallew il-professjoni. Dan jeskludi lil dawk li jkunu rtiraw biż-żmien. Fil-fatt, bejn l-2009 u l-2018 kienu kważi 400 l-għalliema li telqu mill-professjoni. Sfida kbira li kompliet tiżdied iktar mat-tisħiħ tal-ekonomija għaliex komplew jinħolqu iktar impjiegi saħansitra b’kundizzjonijiet aħjar. Fl-istess ħin fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida jkunu impjegati kważi erba’ darbiet iktar minn dan in-numru. Fil-fatt għal din is-sena skolastika daħlu 44 għalliem fil-primarja u 93 fis-sekondarja fuq kuntratt indefinit. Daħlu wkoll 55 supply imqassma bejn primarja u sekondarja.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, tkellem dwar kif il-bżonn għall-għalliema ma jonqos qatt. “Fil-fatt il-Ministeru investa fl-Institute for Education biex dan l-Istitut joffri wkoll korsijiet part-time għal dawk in-nies li qed jaħdmu u jixtiequ jsiru għalliema. Dan minbarra l-korsijiet full-time li kienu u għadhom joffru l-Università ta’ Malta,” qal il-Ministru Bartolo.
Fil-korsijiet f’dan l-Istitut diġà hemm 61 student. Filwaqt li fl-Università hemm 268 jistennew biex isiru għalliema.
Bħalissa hemm numru żgħir ta’ għalliema neqsin. Dan minħabba raġunijiet varji fosthom maternity leave, mard, bżonn ta’ leave urġenti, riżenji u oħrajn. “Bħalissa għandna nuqqas ta’ tliet għalliema fis-sekondarja (Ingliż, P.E u Geography). Fil-primarja għandna nuqqas ta’ tliet għalliema tal-Arti u żewġ għalliema tal-Mużika fis-servizz tal-peripatetic. Fil-każ tal-peripatetic, il-Kulleġġi jagħmlu rotation tal-għalliema fil-Kulleġġ biex, sakemm jinstabu replacements, ikollna l-istudenti kollha li jkunu qegħdin jieħdu l-lezzjonijiet. Fil-ġimgħat fejn ma jkollhomx għalliem peripatetic, ikun l-għalliem tal-klassi li jkun qed jagħmel dawn il-lezzjonijiet,” qal il-Ministru Bartolo.
Fl-aħħar snin il-professjoni tal-għalliema ngħatat ukoll imbuttatura ġdida permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid iffirmat mal-Gvern. Ftehim li ra titjib fis-salarji u fl-allowances fost l-oħrajn.