Il-gazzetta KulĦadd irrimarkat li l-liġijiet li jirregolaw ix-xandir f’pajjiżna jitkellmu ċar dwar dak li għamel il-programm Sorsi Infurmati l-ġimgħa li għaddiet u li kien espost fl-aħħar jiem fil-programm Pjazza li jixxandar fuq ONE.
Il-liġi titkellem ċar dwar kif mhux permess li fi programm tal-ġrajjiet kurrenti ssir rikostruzzjoni meta m’hemmx prova li din hi xi ħaġa fattwali.
Dan kif wara kollox kien ir-rapportaġġ tan-Net dwar il-każ tal-Bank Ċentrali.
Rapportaġġ mibni fuq allegazzjonijiet li minn fuqha għaddew bosta ġimgħat u qatt ma kienet ipprovata.
Dik li l-Bank Ċentrali spiċċa bejta ta’ politika partiġġjana. Il-liġi tispeċifika anke meta hu permess li jkun hemm rikostruzzjoni u kif din trid tkun immarkata b’mod ċar.
“Kull tixbiha ta’ xi ġrajja fl-aħbarijiet teliviżivi jew f’xi aħbar għal għarrieda għandu jkollha miktub ċar taħtha li dak li qed jidher mhux dak li ġara u m’għandux ikun hemm l-iċken dubju li jista’ jinħaseb li hu filmat oriġinali tal-ġrajja,” jgħidu l-liġijiet tax-xandir.
Dak li għamel Joe Mikallef, li n-Net jiddeskrivu bħala ġurnalist investigattiv, kien totalment il-kontra ta’ dan. Tant li qabel beda l-filmat intqal li se jibdewjintwerew il-provi. Provi ta’ suppost party tal-Bank Ċentrali fejn il-ħaddiema kienu qed jidhru jiżfnu u jiddevertu u tidwi fl-isfond kien hemm l-għajta ta’ Viva l-Labour. Mal-mument li l-preżentatriċi semmiet il-provi telaq dan il-filmat bla kulur u tidwi kellu l-għajta ta’ Viva l-Labour.
Eventwalment irriżulta li l-filmat kien ta’ disco f’Barċellona u l-għajta ta’ Viva l-Labour kienet ġejja minn filmat tas-sala tal-għadd tal-voti fil-mument li fl-aħħar elezzjoni ġenerali tħabbret ir-rebħa tal-Partit Laburista. Maqbud fuq sieq waħda u għal darb’oħra espost bħala reporter li jibni wħud mill-istejjer tiegħu fuq il-qerq, Joe Mikallef prova jiġġustifika ruħu billi qal li din xi ħaġa li tiġri.
Iżda dwar tbagħbis ta’ filmat il-liġi hi ċara ferm iktar minn ħsibijietu. “B’materjal rikostitwit, wieħed jifhem biss dawk il-każijiet fejn issir drammatizzazzjoni fl-aħbarijiet jew fi programm ta’ ġrajjiet kurrenti li jkunu qegħdin juru b’mod drammattizzat fatti li attwalment ikunu ġraw u mhux xi allegazzjonijiet li xi ħadd qal jew ġrajjiet ipotetiċi,” tkompli tgħid il-liġi. Joe Mikallef u Net Television qatt ma qalu li dak li kienu qed jagħmlu kien rikostruzzjoni u meta nqabdu ħarġu jgħidu li se juru l-provi.
Iżda, eventwalment ma kellhom ebda prova li ssostni dak li qalu u minflok infexxew f’attakk isteriku fuq min kixifhom. F’dan il-każ il-preżentatur Karl Stagno Navarra. Kien attakk li konna avżati bih qabel sar minn persuni fl-istamperija li għal darb’oħra ma ħamlux jaraw dak li kien qed jiġri quddiem għajnejhom. Intant, il-Bank Ċentrali rreaġixxa l-Ġimgħa u ddeskriva dak li sar minn Sorsi Infurmati bħala attentat biex joħloq firda politika bejn l-impjegati talbank. Il-Bank Ċentrali ikkundanna b’mod iebes dak li sar u ċaħad dak imxandar kif ukoll il-ħsieb li prova jmexxi Joe Mikallef li l-bank prova joħloq xi diskriminazzjoni politika.
Intant, Joe Mikallef kellu punt ta’ referenza f’dan kollu lil ċertu Chris Pace eks impjegat talBank Ċentrali li kien fil-grupp ta’ Tonio Fenech wara l-bidla fil-gvern. Grupp magħruf bħala l-grupp tal-ispjuni fejn nies li suppost kienu jaħdmu fl-interess tal-istat kienu qed jaħdmufl-interess tal-Partit Nazzjonalista u l-Eks Ministru tal-Finanzi. Meta Pace u oħrajn fl-NSO u l-MFSA nqabdu jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u jikkonfoffaw kontra l-Gvern kienu ħarġu jiddefendu ruħhom. Dan minkejja li għemilhom kien immarkat iswed fuq l-abjad f’emails li kienu żvelati. Eventwalment Pace qabbad lil Andrew Borg Cardona jiddefendih.