Aktar minn mija u tletin gallarija tradizzjonali f’Marsamxett ser jerġgħu jingħataw il-ħajja. Dan ser ikun possibbli grazzi għall-iskema tal-Gallariji Maltin fejn ġew allokati żewġ miljun ewro għal xogħolijiet ta’ restawr ta’ din ix-xorta.
Din l-inizjattiva ħolistika, li l-parti l-kbira tagħha hija ffinanzjata minn fondi Ewropej, hija mmirata sabiex tagħti dehra ġdida lil faċċati li jinsabu f’din il-parti tal-Belt Valletta.
Ma’ ONE NEWS, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius spjega kif b’dan il-fond, se jkunu mħarsa l-karatteristiċi li jagħtu identità lil dawn il-gallariji.
Huwa qal: “Kull min ghandu gallarija fir-residenzi f’dar li tisserva bhala residenza jistghu jibbenefikaw minn dawn il-fond. Huwa fond li jistgħu jirranġaw il-gallarijiet tagħhom- gallariji tal-injam kif ukoll gallarijiet miftuħin”.
L-iskema tal-Gallariji Maltin ser tkopri massimu ta’ tmint elef ewro fi spejjeż għal kull gallarija li tiġi rrestawrata. Apparti minn hekk, kull min japplika ser jiffranka wkoll l-ispejjeż tal-perit- dan hekk kif l-Awtorità ser tagħmel tajjeb għall-kontijiet, li jlaħqu sa ħames mitt ewro.
Din l-iskema li titlob li x-xogħol ta’ restawr għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru li ġej, ser tibqa miftuħa sal-aħħar ta’ Marzu. Din hija parti mill-ħidma ta’ dan il-Gvern sabiex mhux biss jiġi mħares il-wirt kulturali Malti, imma wkoll jgħin lill-Beltin jgħixu tassew is-suċċess ta’ pajjiżna.