Proġett ta’ tibdil ta’ madwar tlett elef bozza, li beda f’Awwissu tas-sena l-oħra, mistenni li jitlesta sa nofs din is-sena. Proġett li bih it-toroq ewlenin ta’ pajjiżna se jkunu mixgħula b’dawl LED abjad.
Spjegalna dwar dan l-Inġinier Charles Buttigieg mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
Huwa qal: “Ir-raġuni hija għaliex il-luminier il-ġdida li huma led jagħtu numru ta’ tniqqis konsiderevoli fl-enerġija li jużaw, inqisu 50% to 60% tal-konsum tal-enerġija. Dan huwa numru sostanzjali ovvja huwa ta’ benefiċċju għal malta u għall-pubbliku inġenerali”.
Intant, irħula ta’ madwar il-Port il-Kbir, kif ukoll l-Imdina, se jkollhom dawl LED isfar li jikkumplimenta d-dehra tal-post.
“Jista’ jkun hemm każi fejn il-bozza s-safra tidher aħjar mill bozza bajda. Qis is-swar tal-belt, qis l-imdina, qis numru ta’ rħula li ħa jkolna u li diġà bdejna, fejn saru, fejn il-bozza tidher aħjar”, stqarr is-Sur Buttigieg.
Dan il-proġett li jiswa mal-miljun u mitejn elf ewro, b’fondi mill-unjoni ewropea, se jnaqqas il-konsum tal-elettriku bin-nofs. Dan ifisser ukoll tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tad-disjossidu tal-karbonju.
Il-bozoz se jkollhom ukoll il-faċilità li jitbaxxew skont il-bżonn u l-perjodu tas-sena, bil-pjan hu li fil-bidu tal-lejl il-bozoz jinxtegħlu bil-qawwa kollha tagħhom, u din titbaxxa mal-ħin, sa tlugħ ix-xemx.
Wara li titlesta t-tieni fażi tibda t-tielet fażi, li tkopri madwar erbgħin elf bozza fit-toroq residenzjali f’Malta.
L-Inġinier Buttigieg spejgalna kif bozoz LEDs idumu jservu għal madwar għaxar snin.
Huwa qal: “L-led illum, it-teknoloġija tant avvanzat illi bozza tinqata’ ħafna, ħafna iqnas minn bozza kif konna nsibu qabel. Ħafna ħafna imma, ġifieri like id-doppju ttik riżultat id-doppju, tliet darbiet iżjed”.
L-Inġinier spjegalna li l-bozoz b’dawl abjad joffru aktar sigurtà fit-toroq għaliex jagħtu viżibbiltà aħjar lis-sewwieqa.