L-ikbar bidla jistgħu jagħmluha ż-żgħażagħ, tgħid l-MEP Laburista Miriam Dalli.
Iż-żgħażagħ u t-tfal jistgħu jkunu l-atturi favur sforz kollettiv biex jiġi mnaqqas il-plastik li jintuża darba biss. L-MEP Laburista Miriam Dalli qalet li huma ż-żgħażagħ u t-tfal li għandhom il-ħeġġa jkunu l-katalisti favur użu ta’ alternattivi sostenibbli li ma jniġġsux il-baħar u l-kampanja tagħna.
Il-MPE Maltija, koordinatur ambjentali għall-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, insistiet li ż-żgħażagħ diġà qegħdin jesprimu l-vuċi tagħhom fuq kwistjonijiet ambjentali u jistgħu jkunu l-atturi li jgħinu biex issir il-bidla.
“F’kull laqgħa li jkolli u f’kull attività li nattendi nara interess qawwi mit-tfal u ż-żgħażagħ li jridu jsiru jafu aktar kif jistgħu jipparteċipaw u jaġixxu biex isalvaw il-pjaneta li ngħixu fiha. F’laqgħat fi skejjel u f’postijiet oħra jistaqsu dwar kif jistgħu jagħmlu l-parti tagħhom biex inaddfu l-ambjent, u jnaqqsu l-użu tal-plastik,” qalet Miriam Dalli.
Filwaqt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja laħqu ftehim dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti tal-plastik li jintuża darba biss, il-bidla tista’ sseħħ aktar malajr bl-involviment taċ-ċittadini u permezz ta’ għarfien akbar dwar l-effetti negattivi, ir-rimi tiegħu u kif microplastics jistgħu jispiċċaw fl-ibħra tagħna.
“Filwaqt li jista’ jkun possibbli li jitneħħew partiċelli akbar tal-plastik mill-ibħra tagħna, huwa impossibbli li teħles mill-microplastics. Anke l-bniedem isir suxxettibbli li jieħu dan it-tip ta’ plastik meta jiekol ħut jew frott tal-baħar,” sostniet Dalli.
Fix-xogħol tagħha fil-kumitat tal-ambjent, Miriam Dalli ħadmet fuq emendi li indirizzaw b’mod partikolari l-plastik fil-baħar. Dan hekk kif il-plastik jammonta għal 80-85% tat-total taż-żibel fil-baħar. 43% tal-iskart misjub fuq il-bajjiet Ewropej jikkonsisti minn 10 oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss. Il-fatturi li wasslu għas-sitwazzjoni tal-lum huma ħafna inkluż l-użu mifrux tal-plastik u x-xejra tal-konsum.
Miriam Dalli laqgħat l-iskema proposta mill-Gvern biex il-konsumaturi jirritornaw fliexken tal-plastik u kontenituri u innutat b’mod pozittiv li diga hemm ħwienet li bdew jibdlu prodotti tal-plastik b’alternattivi sostenibbli.
“M’aħniex ngħidu l-plastik kollu jrid jispiċċa għaliex wara kollox mhux il-plastik kollu huwa ħażin u hemm plastik li jintuża għal aktar minn darba għal raġunijiet varji. Bi sforz akbar nistgħu nindirizzaw il-ġenerazzjoni kbira ta’ skart tal-plastik hekk kif aktar produtturi u konsumaturi jaqilbu għal prodotti alternattivi,” qalet Miriam Dalli.