Żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Imtarfa mistenni jitessaq il-qorti wara lbieraħ filgħaxija nqabad b’madwar 46 kilo droga kannabis.
Iż-żagħżugħ ġiet arrestat ilbieraħ waranofsinhar mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Dorga waqt li kien qiegħed isuq fi Triq il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Il-Pulizija qalet li fi tfittxija li saritlu fil-karozza li kien qed isuq instabet kaxxa tal-kartun li kien fiha madwar 40 kilo sustanza ħaxixa tal-kannabis u basket li kien fih madwar sitt kilogrammi sustanza suspettata raża tal-kannabis.
Il-Pulizija qalet li d-droga kienet lesta biex tiġi ttraffikata.
Dwar il-każ infetħet inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa li ħatret bosta esperti biex jassistuha fl-inkjesta.
Ir-raġel qed jinżamm arrestat biex jgħin fl-investigazzjonijiet li għandhom għaddejjin.