Daħlu fi stadju avvanzat ix-xogħlijiet tal-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Buqana, ir-rotta ewlenija li tgħaqqad l-Imtarfa mal-Mosta, l-Imġarr u t-Tramuntana ta’ Malta.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-pont li jinsab taħt parti mit-triq u li jgħaqqad Wied il-Qlejgħa minn taħt l-Imtarfa għal Mosta.
Din l-istruttura mibnija b’ġebel tal-franka u tal-konkos, inbniet fi żminijiet differenti meta saret it-triq fil-passat.
Ix-xogħol kollu tat-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tal-pont se jiġi ppjanat b’mod li Triq il-Buqana ma tingħalaqx kompletament.
Il-Perit tal-proġett Corrine Dimech qalet li l-pont il-ġdid ser ikun ħames metri usa’ minn dak eżistenti.
Il-perit spjegat li waqt ix-xogħlijiet, il-kuntrattur se jkun qed inaddaf ukoll is-sodda tal-wied minn fejn jgħaddi l-ilma f’ Wied il-Qlejgħa.
Qalet li x-xogħol ser jsir kollu taħt sorveljanza minn esperti ambjentali, sabiex ma ssirx ħsara lill-ambjent.
Permezz ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ tliet miljun u sitt mitt elf ewro se tiżdied korsija oħra għall-vetturi mill-Imtarfa lejn il-Mosta, l-imġarr u San Pawl il-Baħar. Filwaqt li ser tinbena korsija ġdida għar-roti u l-mixi.
Fi żjara li għamel ONE News fuq il-lant tax-xogħol, stajna ninnotaw li x-xogħlijiet li bdew ix-xahar li għadda mexjin b’ritmu mgħaġġel, tant li t-triq mistennija titlesta sas-sajf li ġej.
ll-perit Dimech spjegat li t-twessiegħ tat-triq flimkien mal-bini mill-ġdid tar-roundabouts fiż-żewġ naħat tat-triq ser jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’sitta u tletin fil-mija.
Hija spjegat ukoll li binja storika f’din it-triq mhix se tintmess, iżda se tiġi rrestawrata u mibdula f’residenza fi proġett mis-sidien privati tagħha.