Il-Ministru għall-Investiment Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri inawguraw investiment ta’ kwart ta’ miljun mill-kumpanija jmartans automation.
Din il-kumpanija tispeċjalizza fil-bini ta’ sistemi ta’ awtomtizzazzjoni għall-diversi industriji. Wieħed mis-sidien tal-kumpanija Jonathan Grech spjega kif din il-kumpanija hija negozju tal-familja. Kompla jgħid li wara li qattgħu diversi snin joperaw minn spazju ferm iżgħar l-kumpanija ħasset li issa kien il-mument opportun li jespandu l-operat tagħhom għal ġo fabbrika ferm akbar fit-technopark.
Apparti l-investiment infrastrutturali li sar din il-kumpanija nediet ukoll pjattaforma online li se tkun qed tbigħ il-prodotti u sistemi lill-aktar swieq madwar id-dinja.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li jinsab ottimist li aktar kumpaniji se jsegwu l-passi ta’ jmartans automation u jniedu aktar servizzi fuq pjattaformi diġitali li jintlaħqu minn numru kbir ta’ persuni.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Chris Cardona laqa’ dan l-investiment u qal li s-settur tal-manifattura kien u għadu ta’ importanza kbira għal pajjiżna. Huwa qal li dan is-settur jikkontribwixxi għal aktar minn ħdax fil-mija tal-impjiegi full-time f’pajjiżna. Qal li għalekk il-mira tal-Gvern hija li jagħmel dan is-settur kompetittiv kemm jista’.