B’investiment ta’ aktar minn miljun ewro, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, nediet żewġ skemi ta’ għajnuna finanzjarja għall-ħaddiema u pazjenti Għawdxin.
Dawn l-għajnuniet ferm importanti jagħmlu parti mill-miżuri ambizzjużi għal Għawdex, li tħabbru fil-Budget għal din is-sena.
L-ewwel skema ser tkun miftuħa għall-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-Gvern u ta’ kuljum jivvjaġġaw bejn iż-żewġ Gżejjer.
B’żieda fis-sussidju, dawn se jingħataw sitt mija u ħamsin ewro fis-sena f’għajnuna li tkopri l-mezzi ta’ trasport kollu.
L-għalliema u l-LSE’s se jingħataw ħames mija u ħamsa u għoxrin ewro fis-sena minħabba l-btajjel tas-sajf.
Il-pagamenti se jingħataw kull sitt xhur.
Din l-iskema intlaqet tajjeb mill-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta, bir-rapreżentant tagħha, Manuel Xuereb, saħaq dwar l-importanza ta’ din l-iskema.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li għall-ewwe darba l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-privat f’Malta se jingħataw sussidju ta’ tlett mitt ewro fis-sena.
Dr Caruana ħabbret ukoll skema li ser tgħin lill-pazejnti Għawdxin li jitilgħu Malta għall-kura kontra l-kanċer fost oħrajn.
L-għajnuna finanzjarja mhux ser tingħata biss lill-pazjenti iżda wkoll lil dawk li jakkumpanjawhom.
Barra li tingħata rifużjoni tal-biljetti tal-vapur ser tingħata wkoll għajnuna addizzjonali biex ittaffi mill-piż ta’ meta l-pazjenti u l-adulti li jkunu magħhom, jkollhom ifittxu akkomodazzjoni f’Malta għax l-intervent ikun kmieni filgħodu.
Il-Ministru qalet li dan ser ineħħi piż kbir minn fuq dahar dawn il-pazjenti.
L-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit tal-Ministeru għal Għawdex jew permezz tal-mobile app MyGozo.