Il-Ministru għall-Infrastruttua Ian Borg ħabbar proġett ieħor ambizzjuż u bżonnjuż għall-Marsa-Ħamrun Bypass – proġett li ser itejjeb id-diversi konnessjonijiet bejn din l-arterja u d-diversi lokalitajiet fl-inħawi.
Dan il-proġett, ippreżentat mill-Aġenzija Infrastruttura Malta, se jikkumplimenta x-xogħlijiet b’investiment ta’ ħames miljun ewro li saru s-sena l-oħra għall-bini mill-ġdid ta’ din il-bypass.
L-ewwel parti tal-proġett ser jara l-bini ta’ triq ġdida u li qabel ma kinitx tinfed. Din it-triq ser tgħaqqad Triq il-Kanun, f’Santa Venera, mal-karreġġjata tan-Nofshinar tal-Marsa-Ħamrun bypass, fejn b’dan ser tiżdied ir-raba’ korsija.
Il-Perit Walter Portelli, spjega ma’ ONE News kif din il-korsija ġdida ser ittejjeb il-kwalità għar-residenti ta’ dawn in-naħat.
Din il-korsija se twassal ukoll biex tinħoloq rotta aktar effiċjenti biex minn Ħal Qormi, Birkirkara, il-Ħamrun u Santa Venera tmur lejn il-Belt u n-naħħat t’isfel tal-pajjiż.
Din il-parti tal-proġett għandha tħalli wkoll impatt ferm pożittiv fil-ħinijiet tal-ivjaġġar mar-roundabout ta’ taħt il-flyover tal-Imrieħel Bypass.
Min-naħa l-oħra, it-tieni parti tal-proġett ser tara l-bini ta’ korsija ġdida fin-niżla ta’ fejn ir-roundabout ta’ taħt il-flyover li hemm bejn il-Marsa u Ħal Qormi. Din il korsija ser tkun qed tagħti aċċess aktar faċli lis-sewwieqa għall-qalba tal-Ħamrun minn Triq Ħal Qormi.
Għal dawn iż-żewġ konnessjonijiet se jiżdiedu aktar minn sitt mitt metru ta’ korsiji mas-sistema tat-toroq eżistenti, li se jinbnew fi spazji diġà meħuda mill-istess infrastruttura.
Inkluż ma’ dan il-proġett ser ikun hemm ukoll il-bini ta’ bankina fin-niżla li minn din il-bypass tieħdok lejn il-Ħamrun u Ħal Qormi, biex ikun hemm aċċess aktar sigur bil-mixi lejn dawn il-lokalitajiet.
Min-naħħa tiegħu, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, saħaq li dan il-proġett ser iħalli impatt kbir fejn jidħol traffiku u dewmien.
Dan il-proġett mistenni jżid il-benefiċċji għal dawk kollha li jużaw din ir-rotta, jew jgħixu f’dan l-inħawi, fosthom tijib fil-kwalità tal-arja. Finalment, il-proġett mistenni jibda kif ukoll jitlesta matul din is-sena.