B’investiment ta’ aktar minn €150,000, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi inawgurat childcare centri ġdid f’Ħaż-Żebbuġ.
Dan iċ-ċentru tal-gvern jagħmel parti mill-familja ta’ erbatax-il childcare centre b’xejn li tmexxi l-fondazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Iċ-ċentru bl-isem Żmeraldi fetaħ il-bibien tiegħu ftit tal-ġimgħat ilu u diġà qed jilqa’ fih madwar ħmistax-il tifel u tifla ta’ bejn ftit xhur u tliet snin.
Ma’ ONE News, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Servizzi Edukattivi, Elena Borg, qaket li ċ-ċentru huwa mqassam f’diversi sezzjonijiet differenti bl-għan ewlieni jkun li t-tfal żgħar jitgħallmu jirrelataw ma’ ħaddieħor u jesprimu l-ħiliet soċjali u edukattivi tagħhom.
Min-naħħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, qal li l-Gvern qed jinvesti flus kbar sabiex ġenituri, l-aktar ommijiet, ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Bartolo temm jgħid li din is-sistema qed tolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda għax qed tħalli lill-familji Maltin aktar flus fil-but, kif ukoll qed tgħin lit-tfal jiżviluppaw bl-aħjar mod fl-aktar żmien importanti ta’ ħajjithom.