L-Awditur Ġenerali laqa’ l-azzjoni li ħa l-Gvern fil-konfront tal-allegazzjonijiet li kienu ħarġu dwar viżi maħruġa mill-konsulat Malti fl-Alġerija.
Dakinhar il-Gvern kien mar għand il-Pulizija sabiex jinvestigaw il-proċess li bih kienu qed jinħarġu l-viżas mill-konslu fl-Alġerija. L-awditur stabilixxa li b’kollox kien hemm aktar mill-erbatax-il elf applikazzjoni b’aktar minn sebgħa t’elef u ħames mija minnhom kienu miċħuda. L-awditur qal ukoll li il-maġġoranza assoluta tal-viżi ġew deċiżi f’inqas mill-ħmistax-il jum stipulat.
Madankollu l-Awditur Ġenerali qal li l-uffiċċju tiegħu sab xejn li juri jekk kienx hemm persuni li daħħlu xi flus illeċti waqt dan il-proċess.
L-Awditur qal li l-post minn fejn kien jopera l-Konsulat iffaċilita l-inċidenza tal-allegazzjonijiet. Il-fatt li l-Konsulat kien jaħdem mill-istess bini tal-fornitur estern għas-servizzi tal-Konsulat, ċajpar id-distinzjoni bejn it-tnejn mill-perspettiva tal-applikanti.
Ir-rapport irikonoxxa wkoll li kien hemm aspetti tal-allegazzjonijiet lil hinn mill-kontroll tal-Konsulat, partikolarment dawk li jirrelataw mal-involviment tal-aġenti oħra involuti fil-proċess tal-viża.