Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura investiment tal-kumpanija Maltija Westrade f’Sardinja li tagħmel riċerka fil-qasam tal-avjazzjoni b’emfasi fuq sistemi ġodda ta’ navigazzjoni għall-kumpanija globali li tiżviluppa ajruplani l-Airbus.
Il-kumpanija Maltija hija bbażata f’Sardinja u għandha interessi Taljani filwaqt li timpjega inġiniera u ħaddiema oħra Maltin. Il-kumpanija qed tistudja l-użu ta’ sistemi bħal drones u sistemi ta’ trasport fl-arju tal-futur fi proġett magħruf bħala BAT, b’investiment ta’ iktar minn tmien miljun ewro.
Fil-preżenza tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea, kien innutat li b’dan l-investiment, Malta qed tpoġġi isimha ma’ proġett importanti li fih sħubija ma’ kumpanija bħall-Airbus.
Il-Prim Ministru Muscat qal li Malta se tkompli tkabbar is-settur tal-avjazzjoni billi tikkunsidra niċeċ ġodda bħall-industrija tad-drones u ajruplani b’pilotaġġ awtomatiku, kif ukoll f’riċerka u żvilupp fil-qasam tal-avjazzjoni.
Fakkar li Malta tospita l-ikbar kumpanija tal-avjazzjoni fid-dinja primarjament għall-manutenzjoni ta’ ajruplani tagħhom u qed tinvesti wkoll f’riċerka u żvilupp, kiri ta’ ajurplani u navigabilita’ fl-ajru, inkluż fi trasport tal-merċa.
Huwa stmat li s-settur tal-avjazzjoni jilħaq l-4% tal-Prodott Domestiku Gross.
Dr Muscat qal li Malta hija miftuħa għal iktar kumpaniji f’oqsma differenti speċjalment f’oqsma ta’ xjenzi, riċerka u żvilupp. Aktar kmieni tul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-Ministru għad-Difiża Taljana Elisabetta Trenta. Huma ddiskutew ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll l-oqsma ta’ koperazzjoni