L-attakkant tal-Arġentina u Barcelona, Lionel Messi, irtira mit-tim nazzjonali wara diżappunt ieħor fil-final tal-Copa America fejn saħansitra tilef penalty.
“Għalija t-tim nazzjonali daqshekk. Għamilt dak kollu li stajt, u nweġġa’ li miniex champion,” qal Messi li għalkemm rebaħ tmien kampjonati u erba’ Champions League ma’ Barcelona ma kellux l-istess xorti mal-Arġentina. Tant li fl-aħħar tliet snin tilef tliet finali fosthom it-Tazza tad-Dinja.
Messi kkummenta wara t-telfa kontra ċ-Ċili fil-finali tal-Copa America. “Ipprovajt. Kienet il-ħaġa li ridt l-iktar, imma ma stajtx niksibha. Issa daqshekk,” temm jgħid Messi.