Matul is-sena li għaddiet, ftit aktar minn elfejn u ħames mitt koppja żżewġu f’Malta.
Elf u erba’ mija żżewġu biċ-ċivil, filwaqt li elf u mija oħra żżewġu bil-Knisja.
Dan ifisser li ż-żwiġijiet bir-rit ċivili qabżu b’aktar minn tliet mija, lil dawk bir-rit reliġjuż.
U bħalma kien hemm koppji li ssiġillaw imħabbithom biż-żwieġ, kien hemm ukoll dawk li temmew il-vjaġġ tagħhom flimkien.
Fl-istess sena, f’Malta kien hemm elf tliet mija u ħdax-il koppja li bdew il-proċess għal separazzjoni. Medja ta’ kważi erba’ koppji kuljum.
Dan filwaqt li f’Għawdex kien hemm sebgħa u erbgħin. Medja ta’ erbgħa fix-xahar.
It-terapista tal-familja fi ħdan is-SEDQA Charlotte Busuttil spjegat ma’ dan l-istazzjon kif għalkemm wieħed irid iżomm f’moħħu li kull każ huwa differenti, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni huwa fattur ewlieni li jwassal għal problemi ikbar u l-koppja tħoss li jkollha ttemm ir-relazzjoni.
“Bid-demands kbar li l-ħajja tal-lum titlob, forsi ma ninvestux biżżejjed ħin ta’ kwalità biex niddiskutu, jew naħsbu li problema jekk nagħmluha wara l-bieb ħa tinħeles imma l-problemi jridu jiġu diskussi biex wieħed ikun jista’ jittacklejahom bl-aħjar mod possibbli.”
Il-kollega tagħha Svetlana Cassar tkellmet dwar l-għajnuna li tingħata lill-koppji qabel, waqt u wara s-separazzjoni.
Hija spjegat li f’każi fejn ikun hemm l-ulied, il-ġenituri jiġu mgħejjuna jirriflettu fuq l-imħabba lejn it-tfal tagħhom, u kif l-aħjar jikkomunikaw ma’ wliedhom f’dawn il-mumenti diffiċli.
“Tajjeb li ngħidu li għalkemm il-koppja sseparat, xorta għad għandhom it-tfal u huma ma sseparawx mit-tfal tagħhom allura dan is-servizz noffruh f’servizz ta’ grupp u fuq sitt ġimgħat u kull ġimgħa niddiskutu suġġetti differenti biex inkunu nistgħu nappoġġjaw lill-ġenituri.”
It-tnejn appellaw biex il-koppji li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, ifittxu l-għajnuna qabel ma l-problemi jeskalaw.