Daniel Maftei, Rumen ta’ 48 sena, baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’serq nhar lejlet l-ewwel tas-sena fil-Belt Valletta.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, Maftei ġie akkużat li seraq il-kartiera ta’ żewġ nisa u uża l-karti tal-kreditu li kien hemm fihom.
Huwa ġie akkużat ukoll li ġibed elf erba’ mija u ħamsin ewro minn ATM, wara li sab il-PIN ta’ waħda mill-karti tal-kreditu.
Għalkemm l-allegat serq seħħ fl-aħħar jum tal-2018, ir-Rumen ġie arrestat ilbieraħ fl-ajruport mal-wasla tiegħu f’pajjiżna.
L-akkużat – li m’għandux indirizz fiss, wieġeb mhux ħati u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.