Dalgħodu il-Qorti remiet il-barra it-tfigħ ta’ tajn ta’ Simon Busuttil, David Casa u l-klikka tagħhom. Dan qalu d-Deputat Laburista waqt konferenza stampa miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Dr. Robert Abela spjega kif minn meta fis-Sajf li għadda ħarġet l-inkjesta dwar l-ikbar gidba politika u l-iktar frame up skandaluż fl-istorja politika Maltija, dik ta’ Egrant, Busuttil u sħabu komplew jippersistu f’attentati meskini sabiex jipprovaw jibnu xi każ fejn m’hemmx.
Huwa fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm deċiżjoni tal-Imħallef Giovanni Grixti li fi stadju ta’ appell qalet li każi li Simon Busuttil ried jibda fil-konfront ta’ numru ta’ persuni kienu biss spekulazzjoni. Wara din is-sentenza definittiva li Simon Busuttil rrefera għaliha bħala inaċċettabbli huwa reġa mar il-Qorti flimkien ma David Casa sabiex jitolbu sabiex tinfetaħ inkjesta oħra.
Dr Abela spjega l-aġir ta’ Busuttil u Casa u għalfejn illum huma marru l-Qorti sabiex jgħidula tagħmel dak li l-Imħallef Grixti qal li ma kellux isir. Qal li marru biex jitolbu inkjesta oħra dwar affarijiet li l-Qorti diġa’ semgħet jew qed tisma dwarhom. Dwar dan Busuttil u sħabu qali li bid-deċiżjonijiet tal-Imħallef Gixti inħoloq limbu legali.
Illum, il-Qorti preseduta minn Maġistrat ieħor qaltilhom li “ma jeżisti ebda limbu legali, u ġudizzjarju, la ħaj u lanqas mejjet.” fi ftit kliem reġgħet qaltilhom li dak li qed jagħmlu mhu xejn għajr attentanti sabiex jipprovaw iqajjmu mill-mewt rikorsi u kawżi li diġa’ tilfu.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Edward Zammit Lewis qal li l-poplu għandu jieħu nota ta’ dan l-aġir għax fis-sajf il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika minn Busuttil u minflok dan refa’ r-responsabbilta politika reġa’ qed jgħamel l-istess ħalla lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia b’idu marbuta għax ma jistax jitfgħu l-barra.
Zammie Lewis fakkar kif dan mhux l-ewwel każ li tilef Busuttil, li minn dik ix-xena ta’ meta mar bil-files vojta l-Qorti beda joħroġ għal darba wara l-oħra kif kien qed imur il-Qorti mingħajr fatti f’idejh. Hawnekk innota li għal Simon Busuttil, il-Qorti saret l-arena tat-tejatrin sabiex jipprova jibqa’ relevanti. Huwa sostna kemm l-aġir ta’ dawn in-nies huwa perikoluż u li issa verament saru theddida għas-saltna tad-dritt hekk kif qed jippruvaw iġibu l-Qorti bħala l-arena ta’ fejn jipprovaw jilagħbu l-politika partiġjana u ta’ tfigħ ta’ tajn t-tajn. Id-deputat Laburista qal ukoll kif huma dejjem jipprovaw jagħżlu Imħallef li jgħoġob lilhom u wara li sentenza jaqtagħha l-Imħallef il-ġdid jgħidu li m’hanwx ġustizzja.
Zammit Lewis reġa fakkar kif ir-rikors li ressaq Busuttil sabiex ikunu investigati seba’ persuni l-Qorti, l-Qorti ddeskrivitu bħala li “jikkwalifika għal spekulazzjoni.” Il-Qorti qalet li Simon Busuttil “għamel biss allegazzjonijiet” u semma biss persuni mingħajr ma indika bid-dettall il-fatti tar-reati li allega.