Quincy hija kelba tar-razza Golden Retriever li f’dawn l-aħħar tmien xhur għamlet differenza kbira fil-ħajja ta’ Ben li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu.
Il-kelba ngħatatilhom b’donazzjoni mill-Fondazzjoni Service Dogs ta’ Malta.
Crew ta’ One news iltaqa’ ma’ Joanna u Eric Zammit, omm u missier Ben fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn fejn sostnew magħna li l-kelba għenet bil-bosta lil binhom Ben l-aktar f’mumenti ta’ frustrazzjoni.
Joanna u Eric Zammit, il-ġenituri ta’ Ben qalu li: “Quincy tgħin lil Ben f’mumenti li jkollu, Ben bl-autism ikollu mumenti ta’ frustrazzjoni u Quincy jirnexxilha tikkalma lil Ben”.
Joanna qaltilna li mindu Quincy ingħaqdet fil-familja tagħha, binha li llum għandu 11-il sena għamel progress kbir għax il-kelba tgħinu fid-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom anke bħala student.
Huma komplew billi qalu: “It-transition bejn il-vann u d-dar għalih hija problema, għax hija waħda mill-kundizzjoni tal-awtiżmu wkoll Quincy tgħinu biex din it-transition ma tkunx diffiċli.”
Joanne Cremona, mill-Fondazzjoni Service Dogs ta’ Malta qalet li dawn il-klieb jgħinu lill-persuni bl-awtiżmu f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm tgeġwiġija u konfużjoni.
Joanne Cremona mis-Service Dogs Malta Foundation irrimarkat li “kellna familji li pereżempju qalulna li qabel ma kellhom il-kelb, bit-tifel jew tifla li qiegħda bil-kundizzjoni tal-awtiżmu lanqas kienu jmorru s-supermarkets pereżempju. Issa jmorru bil-kelb u bit-tifla u bit-tifel, it-tifel ikun iffukat fuq il-kelb u allura l-omm jew il-missier jistgħu ikomplu bix-xirja tagħhom jafu li t-tifel huwa kalm.”
Joanna spjegat li 4 minn kull 10 klieb jiggradwaw wara t-taħriġ intensiv ta’ sentejn. Qalet li minkejja l-isforzi li jsiru, il-gradwazzjoni tiddependi mill-karattru tal-kelb.
Cremona kompliet tgħid li “bħalissa għandna mal-20 familja fuq il-waiting list, xi ftit minnhom ilhom naqra fuq il-waiting list, imma mhux bilfors illi l-klieb li jkollna f’idejna ħa jaqblu, ħa jibbondjaw mal-familja. Allura huwa proċess kumpless ħafna.”
Qalet li nies imħarrġa jrawmu lill-klieb f’kull sitwazzjoni li kull persuni tista’ tiltaqa’ magħha.
Hija kompliet tgħid li: “Il-klieb aħna jkunu mal-familji li ngħidulhom puppy raisers li għandna ħafna, ħafna bżonn ta’ puppy raisers. Dawn ikunu familji li l-kelb jieħduh fid-dar, xogħolhom ikun illi jisoċjalizzawh. Jiġifieri joħorġuh magħhom kemm jista’ jkun biex jesperjenza l-kelb ħafna sitwazzjonijiet differenti.”