Tarbija ta’ tmien xhur tinsab f’qagħda kritika wara li qiegħda issofri minn settiċemija, marda kkaġunata minn mikrobu fid-demm.
It-tifla ddaħħlet, l-Isptar Mater Dei għall-kura l-Ħadd waranofsinhar wara li żviluppawlha ħafna tbabar madwar ġisimha kollu u telgħalha d-deni. It-tifla qiegħda fl-NPICU, it-Taqsima tal-Kura Intensiva tat-Tfal fl-Isptar Mater Dei.
F’konferenza għall-ġurnalisti fil-Ministeru għas-Saħħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci u d-Direttur Mediku Walter Busuttuil tawl l-aħħar dettalji dwar il-każjiet rapportati fil-midja ta’ tlett itfal li ddaħħlu l-isptar b’mikrobi differenti.
Fosthom tifel ta’ erba’ snin li miet bil-Meninġite u tarbija oħra tat-twelid. Huma spjegaw li t-tifla li għandha ftit aktar minn għoxrin jum qalbet għall-aħjar wara li l-ġimgħa l-oħra ntlaqtet bil-meninġite.
Id-Direttur Mediku fl-Isptar Mater Dei Walter Busuttil, qal li m’hemm l-ebda rabta bejn dawn it-tliet kazijiet u lanqas lok ta’ allarm.
Spjega li l-Meninġite hija marda kkaġunata minn mikrobu fil-moħħ waqt li settiċemija, huma mikrobi differenti u ma jittieħdux.
Id-Direttur Mediku fl-Isptar Mater Dei, Walter Busuttil qal “It-tliet kazijiet huma kompletament differenti minn xulxin u mhumiex relatati. Ma ġewx u ma għamlux kuntatt flimkien. M’hemmx epidemiji la fl-Isptar Mater Dei u l-anqas fil-pajjiż. Dak kollu li jista’ jsir għal dawn it-tfal qiegħed isir.”
Ta’ kull sena fl-Isptar Mater Dei, madwar ħames pazjenti adulti jintlaqtu bis-settiċemija. Ħafna minnhom ifiequ iżda mhix komuni fost it-tfal.
Filwaqt li ta’ kull sena f’Mater Dei, jidħlu ħdax-il każ ta’ meninġite bejn tfal u adulti.
Spjega kif “Is-sintomi jistgħu jkunu raxx mal-ġisem, jitla’ d-deni, jidhru mitluqin, ma jiklux u jirrispondu b’mod differenti”.
Id-Direttur Mediku qal li bħala prekawzjoni, id-Direttorat tas-saħħa pubbliku jagħmel kuntatt mal-qraba ta’ dawn it-tfal u jagħmlulhom eżamijiet mediċi.
Huwa appella lill-pubbliku sabiex ma jallarmx ruħu għax sostna li m’hemm l-ebda lok ta’ allarm u lanqas epidemija, la fl-Isptar Mater Dei u lanqas fil-pajjiz.
Qal kif “Ġieli nagħtu l-antibiotics, li dawk li jkunu għamlu kuntatt mat-tfal skond il-protokoll tal-isptar.”
Saħqu li bħal dejjem, il-Professjonisti u l-istaff tal-Isptar Mater Dei qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli, b’tant d-dedikazzjoni.