F’seminar organizzat mid-diviżjoni għall-Gvern Lokali bit-tema: Ħidma Kollaborattiva bejn il-Kunsilli Lokali u l-entitajiet governattivi, il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici tkellem dwar il-fatt li l-Kunsilli Lokali għandhom r-rwol li jressqu l-poter amministrattiv dejjem aktar viċin dawk li l-aktar ikunu ser jiġu affettwati bid-deċiżjonijiet tagħhom.
Huwa qal li dan il-prinċipju fil-qafas tal-Gvern Lokali, ipoġġi liċ-ċittadin fil-qafas tad-deċiżjonijiet u s-servizzi pubbliċi.
Għamel ukoll referenza għar-riforma li qed issir fil-preżent u qal li qed isir kull sforz sabiex filwaqt li l-kunsilli reġjonali u lokali jingħataw funzjonijiet distinti li jagħmilhom tassew awtoritajiet ta’ Gvern Lokali, fl-istess waqt, wieħed jassigura li dawn ipoġġu liċ-ċittadin fiċ-ċentru.
Fakkar kif diġà, għall-ewwel darba, fil-Baġit għal din is-sena ngħatat allokazzjoni finanzjarja diretta lill-Kumitati Reġjonali u qed isiru u jitħejjew diversi miżuri oħra sabiex jisaħħu l-kunsilli reġjonali u lokali, tizded l-effiċjenza u l-kunsilli jkunu eqreb taċ-ċittadin.
Huwa żied jgħid ukoll li huwa kruċjali li jkun hemm kejl xieraq li jara li l-istandards jintlaħqu.
Min-naħa tiegħu, s-segretarju parlamentari għall-gvern lokali, Silvio Parnis saħaq fuq l-importanza li ssir bidla fil-kunsilli lokali u tkellem dwar l-importanza tal-attendenza fl-attivitajiet u laqgħat organizzati.
Huwa qal li hemm bżonn li tidħol aktar dixxiplina fi ħdan il-kunsilli lokali u l-operat tagħhom sabiex it-tiġdid tar-riforma ma tkunx biss fuq il-karti imma bil-fatti wkoll sabiex verament issir il-bidla meħtieġa fil-lokalitajiet.