Il-Gvern nieda abbozz ta’ liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri li fost oħrajn se jippermetti li tfal li qegħdin jgħixu fil-fostering jiġu adottati wara perjodu ta’ ħames snin.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament qabel mal-liġi tgħaddi mill-istadju tat-tieni qari, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-emendi se jpoġġu lit-tfal fiċ-ċentru sabiex ikunu mħarsa l-ħin kollu.
Falzon qal li “Tifel jew tifla tiġi rilaxxata għall-addozzjoni. Ovjament hemm proċedura li trid issegwi madankollu qabel il-perjodu kien dak ta’ 10 snin dehrilna li huwa twil iżejjed u dak il-perjodu ta’ 10 snin filfatt se jiġi 5 snin. Ridna inħarsu aktar lejn permanenza ta’ tfal li ma jibqgħux fl-ambjent naturali tagħhom”
Il-Ministru qal li bħalissa hawn aktar minn erbgħa mija u ħamsin tifel u tifla li għandhom ordni ta’ ħarsien b’nofshom jinsabu jgħixu ma’ familji fil-fostering.
L-emendi se jippermettu lill-foster carers sabiex isiefru mat-tfal ladarba jingħataw permess mill-Aġenzija Appoġġ.
Emenda oħra importanti tobbliga professjonisti biex jirrappurtaw bil-miktub abbuż fuq minuri.
Madankollu jekk ir-rapport ikun sar b’mod ġenwin iżda ma jwassal għall-ebda abbuż, ma tistax tittieħed azzjoni legali kontra l-professjonist.
Għall-ewwel darba ġiet indirizzata anomalija fil-liġi l-antika dwar l-avukat tat-tfal.
Minn issa kull meta Maġistrat tal-Għassa jintalab joħroġ ordni ta’ ħarsien b’emerġenza, se jkun obbligat li jaħtar avukat tat-tfal biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-minuri.
Din il-liġi se tara wkoll tisħiħ fil-bordijiet tal-Ħarsien tat-tfal u tal-fostering.
Il-Kummissarju tat-tfal Pauline Miceli laqgħet l-emendi fil-liġi li tipprovdi wkoll għal trattament ta’ familji li jkollhom ċertu sfidi li fil-preżent jistgħu jwasslu għall-ordni ta’ ħarsien.
Miceli qalet li “L-iktar importanti pero huwa l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal. Għaliex l-aħjar interessi tat-tfal bil-liġi l-antika mhux dejjem kienu fuq quddiem nett. Pero lit-tfal lanqas konna biss nisimawhom jew meta nisimawhom ma nagħtux daqsekk kashom allura dan il-prinċipju huwa pass il-quddiem immens.”
Il-Ministru Falzon ta ħajr lil min kien involut f’dan il-proċess li saħħaħ il-liġi dwar fosthom lid-deputat Claudio Grech li flimkien mal-Gvern ħadem sabiex l-interess tat-tfal baqa’ fil-qalba tal-aġenda.