B’investiment ta’ aktar €210,000, it-taqsima tat-traffiku tal-Pulizija kompliet tissaħħaħ bix-xiri ta’ ħmistax il-mutur ġdid tal-għamla BMW.
L-ispettur Pierguido Saliba saħaq li dawn il-muturi huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija tal-abs u traction control. Dan filwaqt li l-mutur għandu sistema kontra l-kesħa tax-xitwa.
“ Il-muturi huma magħmulin biex jiġġieldu wkoll il-bard meta hemm il-kesħa li ġejja min- naħa tax-xita, fis-sens illi għandhom sistema ta’ heated grips, għax inti għandek il-kontrolli ‘break’ u ‘clutch’ qiegħdin fl-idejn u allura jekk is-swaba jorqdu minħabba l-bard ħa jaffetwa s-saħħa u s-sigurtá fejn jidħlu l-muturi u dawk huma affarijiet li dawn il-muturi qed jaħsbu fihom ukoll.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li dan l-investiment se jssaħħaħ il-protezzjoni u s-sigurtà tal-pulzija. Qal li fl-aħħar xhur, il-korp investa wkoll mat-33 elf ewro f’ilbies mill-aktar protettiv.
“Is-sena l-oħra investejna wkoll f’life saving jackets, li awtomatikament dawn jinfetħu meta jkollhom xi accident u barra minn hekk ukoll helmets ġodda, helmets ġodda li huma aktar siguri.”
Il-Ministru Michael Farrugia qal li fiż-żmien li ġej se tiġi inawgurata flotta ta’ 50 karozza ġdida. Huwa saħaq li t-tnaqqis fil-kriminalità ssarraf ukoll f’apprezzament ikbar għall-pulizija u ħidmiethom mis-soċjetà:
“Qed ikollna suċċessi fil-ġlieda kontra l-kriminalitá peress anke jekk wieħed jifhem ukoll l-istess statistika turi li għat-tieni sena wara l-oħra l-kriminalitá f’pajjiżna naqqset drastikament”.
Il-Ministru temm jgħid li l-investiment fil-korp qed jiffaċilità wkoll ix-xogħol tal-pulizija.