Il-Prim Ministru Jospeh Muscat ħabbar il-pjan konkret tal-Gvern u t-tħejjijiet li għamlet Malta fl-aħħar xhur b’rabta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unojni Ewropea fid-29 ta’ Marzu li ġej. F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja Dr Muscat qal li hemm probabbiltaà kbira li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea bla ftehim.
Qal li fl-aħħar xhur Malta ħejjiet pjan għal din l-eventwalità u li Malta qed tagħmel dan bi swied il-qalb għax qed titlef wieħed mill-aqwa msieħba Ewropej.
Il-Prim Ministru nnota li f’każ li r-Renju Unit jitlaq bla ftehim, hemm bżonn emendi fi tnejn u tmenin liġi.
Qal li l-laqgħa tal-Kabinett tat-Tlieta ffukkat speċifikament fuq Brexit u nnota kif għaxra minn sitta u tletin punt ta’ tħejjija kienu jinvolvu aktar minn ministeru wieħed.
Il-Prim Ministru nnota għadd ta’ kwistjonijiet fuq livell ewropew li jolqtu lil Malta, fosthom żewġ riskji marbuta mas-settur is-servizzi finanzjarji.
Il-Prim Ministru sostna li f’Malta hawn tlettax-il elf ċittadin Brittaniku; ħamest elef minnhom ekonomikament attivi. Għaldaqstant fuq livell ta’ Kabinett ittieħdu deċiżjonijiet bla preċedent. B’hekk Ingliżi li diġà jkunu f’pajjiżna qabel id-disgħa u għoxrin ta’ Marzu, iġifieri l-jum ta’ Brexit, se japplikaw għal dokument ta’ residenza.
F’każ ta’ Brittaniċi li jiġu pajjiżna wara Brexit, xorta waħda jistgħu japplikaw għall-permess ta’ residenza ta’ għaxar snin, imma taħt regoli simili għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-Kabinett ippropona wkoll li f’każ ta’ no-deal, Brittaniċi residenti f’Malta jieħdu sehem fl-elezzjonijiet lokali.
Dwar Maltin li jgħixu fir-Renju Unit, il-Prim Ministru nnota l-offerta tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May biex dawn japplikaw għal residenza mingħajr piż finanzjarju.
Dwar il-qasam tas-saħħa, il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern ra li l-konvenzjoni dwar is-saħħa li sar fl-elf disgħa mija u ħamsa u sebgħin bejn Malta u r-Renju Unit, tibqa’ fis-seħħ. U se jsir xogħol biex ikun hemm rikonoxximent fil-kwalifiki bejn iż-żewġ pajjiżi f’dan l-aspett.
Dwar l-importazzjoni ta’ mediċini, il-Gvern ħadem biex f’każ ta’ diffikultajiet minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit, ma jkunx hemm għoli fil-prezzijiet, jew mediċini out of stock.
Biex jiġi salvagwardjat it-turiżmu mir-Renju Unit, intqal li l-Ministeru għat-Turiżmu għall-aħħar xhur ħadem biex jinżammu n-numri f’dan is-suq kbir turistiku għal pajjiżna. U fl-ajruport ġie proposta biex ċittadini Ingliżi, li mhux se jkunu jistgħu jgħaddu IŻJED mid-daħla għal ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jghaddu minn passaġġ preferenzjali.
Dwar id-Dwana, il-Prim Ministru qal li f’każ ta’ Brexit mingħajr ftehim, din tara żieda ta’ aktar minn sitt elef dikjarazzjoni fil-ġimgħa, u sostna li kien impressjonat bil-ħidma li wettqet id-Dwana biex tilqa’ għal din iż-żieda.
Fakkar ukoll kif il-Gvern permezz ta’ assistenza ta’ erbat elef ewro qed jgħin lin-negozji biex ikunu megħjuna fl-esportazzjoni tagħhom.
Dr Muscat żied jgħid mit-Tnejn se jinfetaħ helpline kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit.