Aktar kmieni t-Tlieta ħarġu n-nomini finali għall-Oscars ta’ din is-sena, u jidher li l-ġlieda għall-unur tal-Aqwa Film hi bejn il-films Green Book u Roma b’dan tal-aħħar jikiser ir-rekord għall-ewwel film ta’ Netflix li qatt kien innominat għall-Aqwa Film.
Il-film Bohemian Rhapsody rnexxielu jikseb nominazzjoni f’ħames kategoriji fosthom l-aqwa film tas-sena.
Iżda l-kritiku tal-films, Mario Azzopardi, qal li din is-sena ftit li xejn kien hemm sorpriżi fin-nominazzjonijiet finali, fosthom żewġ films black and white li jinsabu nnominati għall-aqwa ċinematografija.
“Aktar kellna kurżitajiet ikkonfermati, per eżempju kulħadd kien jistenna li Black Panther ikun nominat, u allura għanda l-ewwel darba li film dwar is-supereroj nominat għall-aqwa film. Qalu wkoll li kien se jkun diffiċli ħafna li jkollna nisa fil-kategorija tal-aqwa direttur. Interessanti iżda li fil-kategorija għall-aħjar ċinematografija għandna tnejn li huma black and white”.
Azzopardi spjega li l-mixja għall-Oscars diġá tbassar ftit jew wisq x’se jkunu r-riżultati. Dan għax bosta unjins tal-produtturi, kritiċi, atturi, u diretturi, ikollhom sensiela ta’ premji għall-films li jkunu ħarġu s-sena ta’ qabel. Din is-sena, l-unjin tal-produturi għażlet il-film Green Book, li skont Azzopardi, huwa fit-tellieqa mal-film Roma għall-aqwa film tas-sena.
Il-voti tagħhom, riżultati ta’ ċerimonji oħra bħall-Golden Globes, u anke l-mod kif il-famuża Akkademja se tipprova tilħaq lill-votanti, huma kollha manuvri li jistgħu jiddeterminaw ir-riżultat tal-Oscars:
“Ma neskludix ukoll l-ammont enomri ta’ reklami li bħalissa hemm għaddejjin fil-ġurnali influwenti tal-filmsbiex tivvota għat-tali persuna. Anke l-kumpaniji stess jibdew jaraw fuq min l-aktar se jiffukaw, jiġifieri dawn jikkundizzjonawk għal min għandek tivvota”.
Bosta segwaċi ta’ dawn it-tip ta’ ċerimonji, u saħansitra anke l-midja, tiffoka ħafna fuq id-dehra. Liema disinnjatur libbes lil dik l-attriċi, min għamel l-irtokk ta’ min mexxa s-serata.
Allura, illum il-ġurnata, l-Oscars saru biss fuq l-ilbies, u l-valur oriġinali tagħhom spiċċa?
“Nemmen li għadu l-aktar unur imfittex. Bla dubju. Kulħadd bi ħsiebu jmur għal din l-imbierka ċerimonja tal-Oscars”, temm jgħidilna Azzopardi.